Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-Maġistrat li kien mexxa l-prosekuzzjoni ta’ Milosevic qed jinsisti dwar ġuri għal Vladimir Putin

Il-Maġistrat Britanniku li kien mexxa l-prosekuzzjoni tal-eks Mexxej tas-Serbja, Slobodan Milosevic, jemmen fis-sod li l-President Russu Bladimir Putin għandu jgħaddi minn ġuri fl-Ukrajna għal reati sfaċċati u brutali kontra l-poplu Ukren.

Sir Geoffrey Nice qal lill-BBC li Putin hu ‘100-fil-100’ ħati għar-reati tal-gwerra kontra l-poplu ċivili waqt il-konflitt attwali fl-Ukrajna li ilu għaddej minn Frar.

Fil-fatt, Sir Geoffrey qal li jħossu sorpriż li l-prosekuturi u l-politiċi madwar id-dinja mhumiex jenfasizzaw il-ħtieġa li Putin jgħaddi minn proċess dwar il-gwerra li beda hu stess u li rriżulta fl-eluf tal-mejtin – inklużi nisa u tfal innoċenti.

U għalkemm ir-Russja qed tiċħad kategorikament li mhix iżżomm mar-regoli tal-gwerra fl-artijiet Ukreni, Geoffrey Nice fisser l-azzjonijiet tat-truppi ta’ Putin waqt l-invażjoni bħala ‘reati kontra l-umanità’ – speċjalment ladarba l-militar ta’ Moska qed jikkonċentra l-attakki fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna.

Ir-reati kontra l-umanità huma kunsidrati bħala l-aktar abbuż serju taħt l-hekk-imsejħa ‘regoli’ tal-gwerra.

Dawn ir-regoli jipprojbixxu l-attakki fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura kruċjali għall-eżistenza tagħhom….Regoli li huma minsuġin fit-trattati internazzjonali li jinkludu l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

Fil-fatt, l-attakki ripetuti tar-Russi fuq il-faċilitajiet li jiġġeneraw id-dawl u s-sħana għall-Ukreni ukoll jaqgħu fil-kategorija ta’ reati tal-gwerra minħabba l-impatt diżastruż fuq l-għajxien taċ-ċivili.

Għalkemm ir-Russja insistiet li qed tikkonċentra fuq il-miri militari tal-Ukrajna, il-komunità internazzjonali ilha x-xhur takkuża lit-truppi Russi rigward eluf ta’ abbużi – inklużi massakri ta’ ċivili u atroċitjaiet oħra – mindu l-Armata ta’ Putin(fi Frar)  qasmet mill-fruntiera lejn it-territorji Ukreni.

Dan waqt li l-Prosekutur-Ġenerali fi Kiev qed jgħid li l-awtoritajiet Ukreni s’issa reġistraw ‘il fuq minn 62,000 reat tal-gwerra fl-Ukrajna, inkluż il-qtil ta’ madwar 500 tifel u tifla.

Sir Geoffrey Nice kien involut mat-Tribunal Internazzjonali li proċessa r-reati tal-gwerra li seħħew fl-eks-Jugoslavja bejn l-1998 u l-2006.

Kien proprju hu li mexxa l-każ kontra Slobodan Milosevic, li fl-2002 kien suġġett għal proċess tal-qorti f’The Hague għal reati tal-gwerra li twettqu, tul is-snin, mill-qawwiet Serbi fil-Kroazja, il-Bosnja u l-Kosovo.

Milosevic – magħruf bħala ‘Il-Bojja tal-Balkani’ – kien miet fil-ħabs qabel il-konklużjoni ta’ dan il-proċess.

Sadanittant, u waqt kummenti dwar il-gwerra fl-Ukrajna, Sir Geoffrey Nice qal li l-każ kontra Vladimir Putin ‘ma jistax ikun aktar ċar’ u li ħadd ma jista’ jiddubita li r-reati kontra l-bniedem f’dak il-pajjiż huma dovuti għall-aġir tal-‘ogħla kmandant fil-Kremlin ( b’referenza għal Putin)’. Fl-istess ħin, Nice enfasizza li l-aktar impenn importanti fiċ-ċirkustanzi għandu jinvolvi proċess tal-qorti jew ġuri għal Vladimir Putin innifsu u mhux għas-suldati Russi li, fil-parti kbira, qegħdin isegwu d-direttivi tal-Kremlin u tal-Presidenza f’Moska.