Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Għadab għal żjara kontroversjali f’Ġerusalemm minn Ministru Iżraeljan

Itamar Ben Gvir, the far-right Israeli minister of national security in Prime Minister Benjamin Netanyahu new governmnet attends the weekly cabinet meeting in Jerusalem, 03 January 2023. EFE/EPA/ATEF SAFADI/POOL / POOL

Il-Palestinjani, fl-aħħar sigħat, ikkundannaw bis-sħiħ iż-żjara ta’ Ministru Iżraeljan fis-zona qaddisa ta’ Ġerusalemm u li fissruha bħala ‘provokazzjoni mingħajr preċedent’.

Intant, il-Ministru tas-Sigurtà Itamar Ben-Gvir, politiku tal-lemin estrem li spiċċa protagonista f’din il-kontroversja, qed jinsisti għal politika aktar ‘riġida’ fir-rigward tal-Palestinjani filwaqt li għadu determinat biex il-Lhud ikollhom l-istess drittijiet bħall-Palestinjani f’dik iz-zona.

Ben-Gvir, fl-aħħar sigħat, kien qed idur fiz-zona akkumpanjat mill-pulizija u meta dan kien l-ewwel ġest pubbliku tiegħu mindu l-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ħa l-ġurament tal-ħatra, ftit ijiem ilu.

Iz-zona qaddisa f’Ġerusalemm ilha s-snin tiġġenera t-tensjoni u diżgwid bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u bis-sitwazzjoni mistennija taqleb għall-agħar peress li Iżrael, illum,  qed jitmexxa minn Gvern meqjus bħala ultra-konservattiv.

Is-sit fiċ-ċentru tal-polemika jinsab fuq għolja waqt li hu t-tieni l-aktar zona sagra għal-Lhud u t-tielet l-aktar zona qaddisa għall-Musulmani. Il-Lhud isejħu din iz-zona bħala t-Tempju fuq l-Għolja waqt li l-Musulmani jafuha bħala Haram al-Sharif, Dan meta l-Musulmani  jirreferu wkoll għall-kumpless sħiħ bħala l-Moskea ta’ al-Aqsa.

Il-Lhud u l-membri ta’ komunitajiet oħra mhumiex Musulmani huma permessi li jżuru l-kumpless mingħajr ma jitolbu u  Ben-Gvir, li jmexxi lill-Partit Otzma Yehudit, ilu jinsisti għal bidliet fir-regoli biex il-Lhud jesprimu d-devozzjoni f’dan is-sit u fost l-insistenza li ‘t-Tempju fuq l-Għolja hu miftuħ għal kulħadd.

Madankollu ma jidhirx li l-Prim Ministru Netanyahu se jintroduċi malajr xi bidliet sinifikanti fis-status quo. Dan għaliex klawsola partikulari fil-ftehim għall-koalizzjoni mmexxija minnu tinsisti biex is-sitwazzjoni fiz-zoni għal devozzjoni reliġjuża tibqa’ eżatt kif inhi.