Lokali

Imut l-eks Deputat Laburista Silvio Parnis

It-Tlieta tħabbret il-mewt tal-eks Deputat Laburista Silvio Parnis li miet fl-eta’ ta’ 57 sena.

F’karriera ta’ servizz lejn iċ-ċittadin, kemm bħala xandar kif ukoll bħala politiku, Silvio Parnis dejjem ra li jħaddem fil-prattika l-valuri tal-ġustizzja soċjali u l-għajnuna lill-inqas batut.

Għal ħames leġiżlaturi rrappreżenta l-kostitwenti tar-raba’ distrett elettorali fil-Parlament, wara li iktar qabel serva bħala Sindku tal-istess lokalità. Silvio Parnis serva wkoll fil-Kabinett tal-Ministri.

Huwa se jibqa’ magħruf bħala politiku ta’ qalb tajba li dejjem baqa’ viċin in-nies. 

Kienu bosta dwak li sellmu l-memorja ta’ Silvio Parnis fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Huwa qal li bil-mod tiegħu, fl-24 sena li dam Membru Parlamentari, Parnis poġġa lil dawk l-aktar vulnerabbli fuq quddiem tal-ħidma tiegħu. Benrard Grech kiteb li f’kull rwol li kellu, fil-karriera politika u anke f’dik professjonali, Silvio Parnis dejjem baqa’ viċin il-ħtiġijiet tan-nies u ra kif itejjibhom.

Il-President tal-Parlalment Ewropew Roberta Metsola wkoll sellmet il-memorja ta’ Silvio Parnis fejn iddeskrivietu bħala politiku b’sensittività soċjali li ħadem fl-interessi ta’ dawk li kien jirrapreżenta, b’mod partikolari r-residenti ta’ Raħal Ġdid u l-anzjani.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia sellem il-memorja tiegħu u l-ħidma li wettaq fil-Kamra kemm bħala Deputat kif ukoll f’diversi karigi parlamentari bħala Chairperson ta’ numru ta’ Kumitati tal-Kamra.

Il-Kamra tal-aħbrijiet ta’ Media.link Communications tagħti l-kondoljanzi lill-familja ta’ Silvio Parnis u lil dawk kollha li kienu qrib tiegħu.