Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Jippruvaw itaffu l-impatt ta’ protokoll relatat ma’ Brexit

Il-Prim Ministru tar-Repubblika Irlandiża, Leo Varadkar, lest biex ikun ‘flessibbli u dispost għal kull suġġeriment’ fost l-impenji lejn soluzzjoni tal-issues bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea rigward il-protokoll għall-Irlanda ta’ Fuq. Fl-istess ħin, Varadkar tenna li saru l-iżbalji fuq kull naħa waqt in-negozjati għal Brexit li wasslu biex ir-Renju Unit ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni.

Varadkar – li x-xahar li għadda sar Prim Ministru għat-tieni darba — anki ammetta li t-trattat għal Brexit seta’ kien ‘strett iż-żejjed’ mal-Britanniċi filwaqt li tenna li l-UE, issa, tinsab lesta għall-kompromessi.

Leo Varadkar, li jmexxi lill-Partit Fine Gael, mhux daqstant popolari ma’ ħafna Irlandiżi li jridu l-unjoni mar-Renju Unit u li jemmnu li hu kien strumentali fit-twaqqif tal-protokoll polemikuż. Intant, Varadkar qal li ma kien hemm l-ebda roadmap li wassal għal din is-sitwazzjoni u li jinsab ħerqan biex iżur lill-Irlanda ta’ Fuq bit-tama li tinstab soluzzjoni għall-hekk-imsejjaħ Northern Ireland Protocol li ilu sors għal tensjoni mill-bidu tal-2021.

Dan il-protokoll hu parti mill-ftehim għall-Brexit li jżomm lill-Irlanda ta’ Fuq ‘alineata’ ma’ uħud mir-regoli għall-kummerċ li l-UE qed tinsisti dwarhom.

Bħalissa wkoll hemm id-diżgwid politiku l fl-Irlanda ta’ Fuq fejn il-Partit Democratic Unionist (DUP) qed iwettaq bojkott fir-rigward tal-Assemblea fi Stormont. Id-DUP ilu jipprotesta dwar il-protokoll u qed jinsisti li mhux se jieħu aktar sehem fil-Gvern dment li ma jsirux il-bidliet radikali għall-ftehim dwar il-kummerċ. Dan waqt li r-Renju Unit u l-UE għadhom qed jinnegozjaw biex jonqos l-impatt tal-ftehim partikulari relatat ma’ Brexit.