Il-Maltin kienu tant għal qalb il-Papa Benedittu XVI tant li mhux biss għamilha punt li jżur lil pajjiżna iżda wkoll, fil-Vatikan, kien imdawwar b’numru ta’ Maltin.
Net News tkellem mal-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan, Frank Zammit li spjegalna kif Ratzinger kien iħares lejn il-Maltin.
“Ir-rispett li kellu lejna narawh mhux biss fid-deċiżjoni li jagħmel lil Ġorġ Preca qaddis, imma wara 200 sena, Malta reġa’ kellha kardinal, lil Propero Grech,” qal Zammit. “Niftakar lil Grech jiċċajta miegħu. Meta kien ġej Malta kien qallu biex joqgħod attent għax f’Malta hemm ħafna sriep biex ma jmurx jitla’ wieħed m’idu u jieħu l-valenu – referenza għal miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna.”
Hekk kif nhar il-Ħamis se jkun qed isir il-funeral tal-Papa Emeritu, Zammit innota kif dan il-jum se jkun wieħed li qatt ma rajna bħalu minħabba l-fatt li Ratzinger ma kienx għadu qed iservi ta’ Papa… B’Papa Franġisku se jkun qed jikkonċelebra l-quddies.
Minħabba li kien irtirat, wara mewtu ma nlibbislux il-palju – simbolu ta’ ġuriżdizzjoni u ta’ awtorità. Ma ntlibbislux lanqas il-baklu għaliex hu ragħaj irtirat.
Papa Benedittu jibqa’ magħruf bħala dik il-persuna pjuttost sempliċi u li dejjem poġġa’ lil ħaddieħor qablu. Ratzinger jibqa’ magħruf bħala persuna “għaref, intelletwali, umli u twajjeb.”
Joseph Ratzinger kellu relazzjoni tajba ħafna mal-Papa Ġwanni Pawlu II, tant li ftit sigħat qabel miet, hu kien sejjaħlu u ħallilu xi ħaġa speċjali. Hekk kif saħħet Papa Ġwann Pawlu II kienet marret wisq lura, hu ma kienx felaħ ikelmu, u b’hekk kien ħallilu nota bil-kelma danke, li tfisser grazzi fil-Ġermaniż.
Bil-predeċessur tiegħu kien insista li l-Papa Benedittu jaħdem id f’id miegħu għal snin sħaħ. Fil-fatt, minkejja li Ratzinger kien beża’ li x-xogħol tiegħu fit-teoloġija u x-xogħol tiegħu fil-Vatikan kien se jkun kunflitt t’interess, Ġwanni Pawlu II baqa’ jinsisti li jridu biswitu.