Futbol Sport

Premier League Ingliż: Arsenal miżmuma minn Newcastle….Man Utd ikomplu jimpressjonaw b’rebħa kbira fuq Bournemouth

(Ritratt: EPA)

Il-liders tal-Premier League, Arsenal, kienu miżmuma fi dro, 0-0 minn Newcastle United fl-Emirates Stadium u fejn issa huma żiedu l-vantaġġ f’ras il-klassifika għal tmien punti. Dan ukoll meta meta t-tieni tim, Manchester City, huma impenjati għada għand Chelsea fi Stamford Bridge.

Arsenal ħarġu aggressivi u fl-ewwel ħinijiet huma wettqu pressjoni intensiva fuq il-lasta tal-Geordies li spiċċaw jiddefendu għal ħajjithom quddiem il-furja ta’ Bukayo Saka u sħabu. Intant, Newcastle, maż-żmien, naqqsu ħafna mill-periklu ta’ Arsenal bl-iskor jibqa’ 0-0 sal-mistrieħ.

It-tieni 45 minuta raw lil Arsenal bil-maġġoranza tal-pussess u bid-difensuri ta’ Newcastle, immexxija minn Dan Burn u Botman, iżommu sod għall-inkursjonijiet ta’ Martinelli u Odegaard.

Intant, Nick Pope, fl-aħħar kwarta, kellu jimblokka t-tentattiv mill-viċin ta’ Nketiah li spiċċa waħdu quddiem il-gowlkiper tal-Geordies li, madankollu, irnexxielu jżomm il-lasta tiegħu intatta.

Manchester United laħqu lit-tielet tim, Newcastle United, bl-istess punteġġ (35) wara rebħa komda, 3-0, f’Old Trafford fuq Bournemouth. B’hekk ir-Red Devils komplew bis-sensiela ta’ suċċessi fil-kampjonat qabel huma jiltaqgħu maċ-Champions Manchester City u Arsenal aktar ‘il quddiem dan ix-xahar.

Wara bidu pjuttost kwiet, ir-Red Devils żblukkaw ir-riżultat meta Casemiro (23) daħal għall-freekick perfett ta’ Christian Eriksen biex jegħleb lil  Travers b’volley mill-viċin. Fil-bidu tat-tieni taqsima, Luke Shaw (49) irdoppja għal United b’xutt għar-rokna wara li rċieva mingħand is-sostitut Garnacho.

United minn dak il-ħin komplew jikkontrollaw il-logħba, bis-sostitut Garnacho jipprovdi punt ta’ riferiment kontinu mal-faxxa tax-xellug. Min-naħa tagħhom, Bournemouth kellhom xi tentattivi perikolużi fuq il-lasta ta’ de Gea, iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Marcus Rashford li fis-86 minuta skorja t-tielet gowl ta’ United fuq il-pass ta’ Bruno Fernandes.

Leicester City kellhom ħarġa ħażina oħra fil-King Power Stadium fejn sfaw megħluba, 1-0, minn Fulham — li b’din ir-rebħa telgħu fis-seba’ post, bl-istess punteġġ bħal Liverpool (28).

Il-Foxes ta’ Brendan Rodgers jeħtieġu juru aktar konsistenza jekk ma jridux li jispiċċaw f’taqbida lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika u huma sabu ruħhom minn taħt wara biss 17-il minuta meta l-prolifiku Aleksandar Mitrovic spara ġewwa minn tarf il-kaxxa wara l-assist ta’ Willian.

Fit-tieni taqsima, Leicester ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda sabu lill-Cottagers attenti biex jagħlqulhom l-ispazji kollha, b’ Youri Tielemans u Harvey Barnes it-tnejn jitilfu ċansijiet tajbin quddiejm il-lasta.

Everton sofrew it-tielet telfa konsekuttiva (fil-kampjonat) f’Goodison Park fejn spiċċaw umiljati, 1-4 ma’ Brighton and Hove Albion.

Everton fetħu fuq l-attakk iżda dejjem kienu vulnerabbli għall-ħeffa tal-attakkanti ta’ Brighton, bis-Seagulls imorru fil-vantaġġ mill-plejer internazzjonali Ġappuniż, Kaoru Mitoma (15) fuq azzjoni personali.

Wara l-mistrieħ Brighton skurjaw tlieta oħra f’seba’ minuti inkredibbli, b’Evan Ferguson (52 ) jirdoppja fuq l-assist ta’ Sarmiento u b’Solly March jagħmilhom tlieta żewġ minuti wara. Everton bilkemm laħqu organizzaw ruħhom qabel wasal ir-raba’ gowl tas-Seagulls skurjat minn minn Pascal Gross (57) li approfitta mill-iżball ta’ Gueye biex għalaq kull diskors.

Fl-aħħar ħinijiet Everton rebħu penalty għall-fawl ta’ Sanchez fuq Iwobi, b’Demarai Gray ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru.

Din id-disfatta għamlet il-ħajja jerġa’ aktar diffiċli għall-manager ta’ Everton Frank Lampard meta t-Toffees issa ilhom sitt logħbiet mingħajr rebħa fil-kampjonat.