Lokali

“Robert Abela mingħajr soluzzjonijiet”

Dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jpoġġi l-kilba għall-flus qabel in-nies u l-ambjent ta’ madwarna. Għandna bżonn policies li jaħdmu tassew sabiex jitnaqqas il-piz fuq in-nies l-iktar dawk vulnerabbli.

Sostna dan l-Editur tal-ġurnal Times of Malta wara li għamel analiżi tal-messaġġ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela lejliet l-ewwel tas-sena.

L-editur jgħid li fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru indirizza lil poplu b’tama u attitudni pożittiva għas-sena l-ġdida, b’element ta’ ħsieb maġiku u aljenazzjoni mill-fatt li kemm pajjiżna kif ukoll id-dinja għaddejjin minn żmien diffiċli immens, speċjalment bil-gwerra li għaddejja fl-Ewropa.

Pero li ma għamilx Abela hu li nesa jsemmi kif din is-sena se jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ importazzjoni tal-mediċini u l-għoli tal-ħajja li laqtet u għadha qed tolqot lil pajjiżna. Bl-unika soluzzjoni tiegħu hi li jsolvi l-problemi permezz tal-flus.

L-editur ikompli jgħid li minflok Abela jieħu d-deċiżjonijiet bżonnjużi li jaf jkunu wkoll iebsa, qiegħed jevitahom u jmur kontra l-wegħda elettorali tiegħu.

L-editorjal jitkellem ukoll dwar ir-rekomandazzjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, liema rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implementati. Dan filwaqt li għadha tirrenja klima ta’ fejn in-nies jaqdu lill-ħbieb tal-ħbieb.

Jisaqħ li hu normali li l-mexxejja jindirizzaw il-poplu b’mod pożittiv, iżda dawn iridu jindirizzaw r-realta tas-sitwazzjonijiet ta’ madwarna, u jipproponu soluzzjonijiet, għaliex dan hu x’mistenni mingħand min imexxi.

L-editorjal jgħalaq billi jgħid li l-pożitivita mhijiex ser tbiddel dawn il-problemi kollha iżda hu meħtieġ li jkun hemm bidla ta’ policies ġodda sabiex jiġu indirizzati l-problemi u f’Malta jkun hawn serħan il-moħħ.