Sewwieq ta’ mutur qed isofri minn ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq il-mutur.
L-inċident seħħ it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tal-10:45pm hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Ferrovija, Santa Venera.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel minn Nepal ta’ 44 sena u joqgħod l-Imsida, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq, tat-tip Kymco, bil-konsegwenza li waqa’ minn fuqu.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.