Bosta persuni jinsabu mħassba hekk kif ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu fin-nuqqas ta’ mediċini meħtieġa għal saħħithom, nuqqas li issa ilna naraw għal xhur sħaħ.
Izda donnu għall-Gvern Laburista, is-saħħa tal-persuni mhix tingħata prijorità kif mistħoqqha.
Dwar din il-problema, Net News saqsa lill-Ministru Owen Bonnici li huwa membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, bil-Ministru jagħżel li jaqbeż għal sieħbu Chris Fearne.
“Dan il-Gvern għamel differenza kbira,” qal Bonnici.
L-istess Gvern li kien wiegħed li mhux talli din il-problema qatt iżjed m’aħna se naffaċjawha, iżda saħansitra se jkun qed iwassal dawn il-mediċini sa wara l-bieb tan-nies, liema mediċini lanqas biss qed jaslu sal-ispiżeriji aħseb u ara għand in-nies.
Lista ma tispiċċa qatt ta’ mediċini out of stock li meta wieħed imur għand spiżjar isib biss xkafef nofshom vojta. Bin-nies ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni.
“Tħarbit enormi fis-settur tas-saħħa”
“Ilha iktar minn xahar u nofs out of stock – tal-mistħija”
“Għaliex il-Ministeru tas-Saħħa qed jibqa’ sieket?”
Kritika ma taqta’ xejn lejn din is-sitwazzjoni, bil-Gvern Laburista, xhur wara, għadu ma lissinx kelma waħda.