It-Tnejn filgħaxija numru ta’ persuni nġabru f’Tas-Sliema biex isellmu l-memorja ta’ Paulina Dembska li kienet inqatlet fil-bidu tas-sena l-oħra.
It-tifkira għal memorja ta’ Dembska bdiet b’quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Girgor, f’Tas-Sliema fejn fl-omelija ntqal li wieħed qatt m’għandu jinsa l-istorja ta’ Dembska għaliex jekk isir dan, wieħed ikun qed jagħti spazju għal iktar qtil ta’ persuni f’pajjiżna.
Barra minn hekk, intqal ukoll li l-qtil ta’ Dembska m’għandux jinbidel b’rabja għal dak li seħħ iżda minflok dawk responsabbli jassiguraw li qtil bħal dan qatt ma nerġgħu naraw bħalu.
Saret referenza wkoll għal vjolenza ma taqta’ xejn barra minn xtutna, fl-Ukrajna, li qed twassal għal qtil bla ħniena ta’ numru ta’ persuni innoċenti fejn il-qassis stqarr li din il-gwerra qed tkompli turi kemm hawn vjolenza fid-dinja.
Wara l-quddiesa, fil-gallarija tal-każin tas-Soċjetà Mużikali San Girgor Sliema indaqqet requiem u ftit wara, nżamm mument ta’ silenzju b’tifkira għal Dembska.
In-nies preżenti mxew sa Ġnien l-Indipendenza hekk kif iktar tard, dawk preżenti poġġew xemgħat quddiem ritratt ta’ Dembska, fil-post fejn inqatlet. Ftit tal-ħin wara ġiet ippreżentata bandiera tal-Polonja u t-tifkira waslet fi tmiema bil-kant tal-Innu Malti.
Preżenti fil-Ġnien tal-Indipendenza kien il-ġenituri ta’ Paunlina Dembska, qraba tagħha kif ukoll is-sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow u l-viċi sindku Anton Debono.
Sfortunatament il-qtil ta’ Dembska ma kienx l-unika femiċidju għas-sena 2022 hekk kif fi Frar li għadda Rita Ellul kienet instabet bla ħajja f’appartament f’Għajnsielem.
Barra minn hekk, f’Novembru tas-sena li għaddiet Bernice Cassar inqatlet kiesaħ u biered b’żewġ tiri fejn ir-raġel tagħha jinsab taħt akkuża għal dan il-qtil.