Minflok ma sab soluzzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti ta’ pajjiżna, fejn ħafna mediċini jinsabu out of stock, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għażel li jattakka lin-nies u jiċħad li hawn problema … għax hu għad m’għandux idea ta’ kif se jsib soluzzjoni.
Minflok, Fearne qal li hemm min qed jipprova jallarma u li dawn għandhom bżonn jivverifikaw il-fatti … li ma hu qed imerihom ħadd.
Meta l-Erbgħa waranofsinhar, NET News staqsa lil Fearne dwar din is-sitwazzjoni, li qed tqanqal tħassib kbir fost il-poplu Malti u Għawdxi, hu deher biċ-ċar li jinsab daru mal-ħajt għax la wieġeb x’soluzzjoni għandu l-Gvern u lanqas jekk tkellimx mal-Prim Ministru dwar dan … bil-Ministru tas-Saħħa jagħżel li jgħaddas rasu fir-ramel u jiċħad li hawn problema.
Dan wara li NET News irċieva telefonata wara l-oħra … minn persuna wara l-oħra … kollha jgħidulna l-istess kelma … li l-mediċini li għandhom bżonn m’huma jsibuhom imkien minħabba li ilhom il-ġimgħat jekk mhux ix-xhur out of stock.
Sadanittant, meta Chris Fearne kien mistoqsi għaliex il-lista tal-mediċini out of stock ilha kważi xahrejn ma tkun aġġornata online – meta normalment din kienet tkun ippubblikata kull ġimgħa – id-Deputat Prim Ministru waħħal li qed isir aġġornament fis-sistema diġitali.
Madankollu, hu ma ammettiex li l-lista setgħet tkun aġġornata manwalment, kif kien isir sa xahrejn ilu … u minflok, baqa’ jdur mal-lewża u jilgħab bid-diskors.
NET News fakkar ukoll kif fis-27 ta’ Diċembru dan l-istazzjon bagħat email lil-Ministeru tas-Saħħa biex jistaqsi kemm hawn mediċini out of stock u liem huma …. il-Ministeru jibqa’ ma jwieġibx u sal-lum stess, NET News għadu mingħajr tweġiba dwar kmm hemm ezattament mediċini out of stock u liem huma.
NET News staqsa wkoll dwar il-laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari Permanenti tas-Saħħa biex jindirizza din il-problema li qed tfixkel il-ħajja u r-rutina tan-nies. Laqgħa li se ssir biss wara l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista … bil-Ministru tas-Saħħa ma kienx jaf meta … għalkemm NET News jinsab informat li l-Gvern sejjaħ il-laqgħa għal nofs dan ix-xahar. Dan ifisser li l-poplu Malti u Għawdxi għandu mill-anqas gimgħatejn oħra mingħajr soluzzjoni u serħan il-moħħ.