Internazzjonali

Harbin….Dinja fantastika magħmula mis-silġ, il-borra u l-ilwien

Eluf kbar ta’ turisti, bħalissa, qed jattendu għall-Harbin Ice and Snow World – magħruf ukoll bħala Bingxue Large World – li jinkorpora festival kulturali u theme park tax-xitwa uniku li jsiru kull sena fiċ-Ċina.

Minbarra l-iskulturi tas-silġ spettakulari hemm ħafna attivitajiet tax-xitwa għal kulmin iżur it-theme park li hu kummissjonat mill-Gvern Muniċipali ta’ Harbin waqt li sponsorjat mill-Grupp ta’ Harbin għat-Turiżmu Kulturali.

Din id-‘Dinja tas-Silġ u l-Borra’ tkopri ‘il fuq minn 750,000 metri kwadri u ilha tespandi mindu kienet introdotta għall-ewwel darba snin ilu.

Il-Festival ta’ Harbin, fil-fatt, sar l-aktar attrazzjoni tax-xitwa popolari fid-dinja u fejn it-theme park sar famuż  għall-iskulturi u z-zoni mżejnin bl-ilwien prominenti li jagħtu d-dehra ta’ dinja fantastika fuq l-istess stil ta’ ‘Disneyworld’ — anki jekk ibbażat fuq kunċett għal kollox differenti u fuq stil speċifikament xitwi.

Hawnhekk lanqas ma jonqsu l-attivitajiet kulturali interessanti minbarra varjetà kbira ta’ sports tax-xitwa, inklużi l-logħob fl-Ice and Snow Carnival Park, li jmiss max-Xmara Songhua (f’Harbin) fil-Provinċja ta’ Heilongjiang