Lokali

Il-Gvern f’attakk sfrenat lejn dawk favur il-ħajja f’pajjiżna

Konfużjoni sħiħa.

Wara li l-Gvern Laburista ilu xhur sħaħ jimbotta ‘l quddiem l-emenda tal-abort f’pajjiżna kif proposta mill-Prim Ministru Robert Abela – tant li d-deputati kollha tal-Labour ivvotaw favuriha, issa d-deputat Prim Ministru, Chris Fearne ikkonferma li din l-emenda se tinbiddel.

Dan wara pressjoni ma taqta’ xejn mill-Partit Nazzjonalista sabiex l-emenda tal-abort tinbidel għaliex hi kif inhi, se tkun qed iddaħħal l-abort mill-bieb ta’ wara.

Apparti dan, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jkompli bl-istrateġija tiegħu li jattakka sabiex jipprova jintimida lil min ma jaqbilx mad-dħul tal-abort f’pajjiżna.

Matul konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa wara nofsinhar, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne – li flimkien ma’ Robert Abela qed jimbotta bis-sħiħ favur id-dħul tal-abort f’pajjiżna – qal li l-Gvern qed jeskludi lil min, skont hu qed jagħmel spin politiku, mingħajr ma semma’ ismijiet.

Iżda fost dawk li kienu ħarġu kontra din l-emenda kien il-President ta’ Malta, George Vella, li huwa tabib ta’ professjoni u dejjem kien sod fil-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort.

Mal-450 tabib, 44 għaqda, aktar minn 80 espert u akkademiku kif ukoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca kienu voċiferi ħafna kontra l-emenda tal-abort li jrid idaħħal il-Gvern ta’ Robert Abela.

Marie Louise Coleiro Preca – li fil-passat serviet bħala Segretarju Ġenerali tal-Labour – qalet kemm-il darba li l-abort mhux is-soluzzjoni u li, kif irid il-Partit ta’ Robert Abela, se jingħata lok li tkun issagrifikata t-tarbija.

Meta ngħaqdet ma’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin, kif ukoll għexieren ta’ NGOs, fil-mixja nazzjonali favur il-ħajja, il-President Emeritus qalet li l-Gvern qed joħloq nuqqas ta’ ċarezza u ħafna dubji.

Kontra din l-emenda hemm ukoll għadd kbir ta’ tobba u professjonisti mediċi. Fost oħrajn, l-union tat-Tobba – il-MAM, iddikjarat li l-liġi li jrid idaħħal il-Gvern se żżid il-problemi għat-tobba.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tas-Saħħa lanqas ma qal kemm se jkunu t-tobba li jiddeċiedu…  xi ħaġa li talbitha b’mod ċar il-MAM.

Iżda quddiem dawn ir-reazzjonijiet ta’ tħassib, il-Gvern qed jagħżel li jkompli jattakka lil min qed jiġġieled favur il-ħajja, filwaqt li jipprova jkompli għaddej bħal romblu fid-dħul tal-abort f’pajjiżna.