Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Suċċess kbir militari dovut għat-traskuraġni tas-suldati ta’ Putin

L-awtoritajiet fir-Russja żvelaw li attakk bil-missili mill-qawwiet Ukreni  fuq il-militar ta’ Putin seta’ jitmexxa bi preċiżjoni kbira proprju għaliex it-truppi Russi kienu qegħdin jużaw it-telefons ċellulari – u bir-riżultat li provdew ‘tracking device’ lill-Ukreni biex jolqtuhom b’ħafna aktar faċilità.

Ir-Russja, issa, qed tgħid li fl-attakk tal-Ewwel tas-Sena mietu 90 suldat Russu, biċ-ċifra qed tkun irriveduta ‘il fuq mit-63 vittma li kienet iċ-ċifra inizjali tal-awtoritajiet f’Moska.

Sadanittant, l-ogħla ġerarkija tal-militar Russu qed tinvestiga r-raġuni għalfejn is-suldati fiz-zona speċifika setgħu jużaw it-telefons ċellulari li huma projbiti minħabba l-potenzjal li  jindikaw il-pożizzjoni eżatta tagħhom.

L-Ukrajna qed tgħid li nqatlu ‘il fuq minn 400 suldat fl-attakk tal-Ewwel tas-Sena u li 300 oħra sfaw midruba. L-attakk bil-missili konċentra fuq bini li kienet qed isservi bħala bażi għas-suldati Russi li nqabdu bil-lieva u li tinsab f’Makiivka, fir-reġjun ta’ Donetsk okkupat mir-Russi.

Id-90 vittma huma l-akbar ammont  ikkonfermat mill-militar Russu għal inċident wieħed mindu l-qawwiet tal-President Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna fi Frar. Fl-istess ħin, ir-Russi qed jgħidu li għal dan l-attakk, l-Ukreni użaw is-sistemi ‘Himars’ għall-isparar tal-missili li kienu tawhom l-Istati Uniti.

Sar magħruf ukoll li fl-attakk tal-Ewwel tas-Sena mietu l-kmandanti ewlenin tar-riġment Russu f’Makiivka u meta l-kummissjoni investigattiva mistennija toħroġ rapport dettaljat dwar din id-disfatta aktar ‘il quddiem din il-ġimgħa.

Fl-istess ħin, il-Ministeru tad-Difiża Russu mgħandux dubju li l-attakk mill-Ukreni sar possibbli minħabba ‘il-preżenza u l-użu regolari tat-telefons ċellulari mit-truppi tar-Russja’. Ingħad ukoll li dan il-fatt ‘għen biex l-għadu jsib il-lokalità u jikkoordina l-attakk inevitabbli fuq dik iz-zona’.