Il-Papa Emeritu Benedittu XVI għada l-Ħamis se jingħata funeral simili għal ta’ Papa renjanti u li jinkludi r-ritwal tat-‘tliet twiebet’ li jissimbolizzaw il-ħajja ta’ bniedem ordinarju, is-servizz tiegħu lill-Knisja u d-dinjità ta’ Benedittu tul ħajtu bħala protagonista fit-tixrid tad-duttrina Kattolika.
Benedittu miet fl-aħħar jum tas-sena fl-età ta’ 95 u l-katavru tiegħu, għalissa, qed ikun espost bħala parti minn ċerimonja magħrufa bħala lying-in-State għall-Mexxejja distinti. Dan il-Papa Ġermaniż kien l-ewwel Kap tal-Knisja f’600 sena li rtira mill-kariga minflok baqa’ fit-tmexxija sal-aħħar ta’ ħajtu.
U waqt li l-Knisja, fl-aħħar snin, tmexxiet mill-Papa Franġisku, l-eks Arċisqof ta’ Buenos Aires ( fl-Arġentina), is-sitwazzjoni tal-funeral ta’ Benedittu ma għandha l-ebda preċedent – partikularment għaliex il-Papa Franġisku se jkun qed jieħu ħsieb id-difna tal-predeċessur tiegħu.
Dan ukoll meta reġistru bil-miktub dwar it-tmexxija tal-Knisja minn Benedittu se jitqiegħed fit-tebut tiegħu eżatt qabel id-difna – b’dan jikkonfermah il-Vatikan waqt li kien qed jiżvela l-programm għall-funeral tal-Ħamis. Intant, il-Papa Benedittu se jindifen fil-kripta tal-Vatikan u fl-istess post fejn kien indifen il-Papa Ġwanni Pawlu II qabel il-beatifikazzjoni tiegħu.
//= $special ?>

