Futbol Sport

Is-Serie A jirritorna bil-konfront mistenni bejn Inter u Napoli

(Ritratt: EPA)

Il-kampjonat Seria A  jirritorna llum wara nuqqas ta’ kważi xahrejn  minħabba t-Tazza tad-Dinja.  Napoli temmew l-ewwel parti tal-istaġun fl-ewwel post, b’vantaġġ ta’ tmien punti fuq Milan li jinsabu fit-tieni post. L-istess Milan se jiftħu t-tieni parti tal-kampjonat illum fin-12:30pm  ġewwa l-Arechi Stadium kontra Salernitana.  Fl-istess ħin se tkun għadejja wkoll il-partita bejn Sassuolo u Sampdoria fil-Mapei Stadium.

Żewġ partiti oħra fis-2:30pm fejn Spezia qed jittamaw li jiksbu riżultat pożittiv kontra Atalanta, b’dawn tal-aħħar għandhom bżonn rebħa biex jibqgħu ma’ ta’ fuq. It-tieni partita tikkonsisti minn żewġ timijiet li kellhom bidu totalment oppost, Torino li jinsabu fid-disa’ post jinsabu fuq forma tajba, fejn anka rnexxielhom jiksbu rebħa sorprendennti kontra l-Milan ftit ġimgħat qabel tmiem l-ewwel rawnd. Hellas Verona fuq in-naħa l-oħra jinsabu l-aħħar fil-klassifika b’ħames punti,  fejn s’issa kull ma kisbu hija rebħa waħda kontra Sampdoria fil-bidu tal-kampjonat.

Fl-4:30 imisshom jilagħbu l-klabbs minn Ruma sabiex jiftħu t-tieni parti tal-kampjonat tagħhom. Roma se jaffrontaw lil Bologna fi Stadio Olimmpico filwaqt li Lazio se jilgħabu barra minn darhom kontra Lecce.

Juventus fis-6:30pm jaffrontaw  kontra Cremonese fi Stadio Giovanni Zini. Il-Bianconeri għalqu l-ewwel parti tal-kampjonat fuq nota tajba ħafna b’rebħa konvinċenti fuq Lazio. Fiorentina kontra Monza hija l-logħba l-oħra li se tintlagħab fis-6:30pm.

Is-16-il ġurnata tal-kampjonat Taljan tingħalaq b’dik li hija possibilment l-ikar logħba mistennija tal-ġurnata. Inter se jospitaw lil Napoli f’San Siro. In-Nerazzuri  jittamaw li jkomplu fejn ħallew fl-aħħar partita tagħhom fejn għelbu lil Atalanta bl-iskor ta’ 2-3, madankollu l-avversarju huwa wieħed diffiċli hekk kif Napoli  jinsabu fil-quċċata tal-klassifika u jinsabu fl-aħjar forma tagħhom fl-aħħar snin u bla dubju mhux se tkun partita faċli għan-Nerrazurri.  Fil-partita l-oħra Udinese se jospitaw lil Empoli fi Stadio Friuli.