Lokali Qorti

Jitpoġġa taħt probation u ordnat irodd dak kollu li seraq

Raġel tpoġġa taħt probation u ġie mmultat, wara li ammetta żewġ serqiet żgħar li fihom insterqu supplimenti tas-saħħa b’valur totali ta’ €92. Iċ-ċittadin Franċiż Jeremie Camilleri ta’ 33 sena tressaq il-Qorti l-Erbgħa wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mill-Ispettur Eman Hayman.

Camilleri, residenti Ħal Lija, kien mixli li fit-2 ta’ Jannar li għadda seraq oġġetti minn “Health Shop’ f’Ħ’Attard u li l-għada l-mira tiegħu kienet ħanut f’Tas-Sliema tal-istess katina. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ probation li kienet inħarġet lilu wara li nstab ħati għal reat ieħor minn qorti f’Għawdex fi Frar tal-2021.

Fil-Qorti ngħad li Camilleri kien inqabad fil-fatt wara t-tieni serqa. L-Avukat Alfred Abela, li rrappreżenta lill-akkużat, informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu xtaq li jammetti, u ssuġġerixxi li tinħareġ ordni ta’ libertà kondizzjonata jew ta’ probation bħala piena.

Inizjalment il-Qorti ma kinitx konvinta li toħroġ it-tieni ordni ta’ probation lil Camilleri li kien għadu kemm ammetta li kiser waħda mill-kundizzjonijiet f’Għawdex. “Jidher li ilek okkupat hawn mill-2012,” irrimarkat l-Maġistrat, filwaqt li bdiet tistħarreġ ir-rekords tiegħu, u osservat li dejjem irċieva sentenzi mhux ta’ kustodja.

Il-Qorti talbet lill-ispettur biex jiddikjara l-valur tal-oġġetti misruqa. “€92,” huwa wieġeb. Waqt li daret lejn l-akkużat, il-Qorti wissietu. “M’intix qed tistħi minnek innifsek? Li tidħol f’dan l-inkwiet kollu għal €92 biss?” L-Ispettur Hayman informa lill-Qorti li l-akkużat kien qallu li lest iħallas il-valur bl-imnut tal-oġġetti li kien seraq.

Fid-dawl tal-ammissjoni tal-ħtija tiegħu, il-Qorti imponiet multa ta’ €200 fuq Camilleri għall-ksur tal-ordni ta’ probation preċedenti, pagabbli f’pagamenti ta’ kull xahar sal-aħħar ta’ Marzu u ordnatlu jħallas il-valur kollu bl-imnut tal-oġġetti li kien seraq sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Camilleri tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.