Lokali

Konferma li għandna xitwa sħiħa b’ħafna mediċini out of stock

Is-sitwazzjoni tal-mediċini out of stock hi agħar milli qatt ħsibna… fl-iktar żmien kruċjali meta d-domanda għall-mediċini tiżdied minħabba li l-mard fix-xitwa jisplodi ‘l fuq, pajjiżna se jkun qed jara nuqqas kbir ta’ mediċini tul ix-xitwa kollha.

Dan kien konfermat Kap Eżekuttiv tas-CPSU fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, Karl Farrugia meta ġie mistoqsi mit-Times of Malta rigward is-sitwazzjoni ta’ mediċini out of stock.

Karl Farrugia ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ sfida kbira hekk kif qal li pajjiżna se jibqa’ jara dan in-nuqqas għal madwar sitt xhur oħra, bis-sitwazzjoni mhix mistennija li tmur lura għan-normal qabel Ġunju.

Huwa kompla jgħid li l-pazjenti li jeħtieġu diversi mediċini se jkollhom jistennew il-ġimgħat biex jieħdu mediċini alternattivi għal dawk li jinsabu out of stock mill-ispiżeriji.

Liema problema qed twassal għal kju ma jispiċċa qatt fl-Isptar Mater Dei… għalkemm ħafna persuni xorta waħda qed joħorġu idhom f’idhom hekk kif uħud mill-mediċini jinsabu out of stock hemmhekk ukoll.

Bil-problema hi tant kbira, li Farrugia qal li mhux possibli li jikkalkulaw kemm hawn mediċini out of stock hekk kif il-lista, ta’ kuljum, qed tkompli tiżdied.

Filwaqt li fl-aħħar ġimgħat, ħafna nnotaw nuqqas kbir ta’ antibiotics… issa, qed ikun innotat li l-mediċini li jittrattaw kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali kważi spiċċaw ukoll.

Iżda minkejja li Farrugia, fil-kummenti tiegħu pprova jnaqqas il-gravità tas-sitwazzjoni, jidher li l-Gvern m’għandux idea kif se jkun qed jindirizza din is-sitwazzjoni.

Dan hekk kif l-uniku pjan bħalissa hu li jiġu ordnati l-mediċini li hawn domanda kbira għalihom minn kumpaniji differenti… anke jekk din mhi qed twassal għal imkien. B’Farrugia jgħid li jekk is-sitwazzjoni tigrava iktar minn hekk, għad m’għandhomx pjan konkret ta’ x’se jkun qed jagħmel il-Gvern.

Il-Ministeru għas-Saħħa, suppost, ta’ kull ġimgħa jippublika lista ta’ mediċini out of stock iżda l-aħħar aġġornamenti dwar dan imorru lura għal kważi xahrejn.

Minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien talab li ssir laqgħa imma s’issa għad ma kien hemm l-ebda risposta mill-Gvern… bil-Gvern Laburista bħallikieu qed jipprova jaħbi l-verità dwar din il-problema li qed tolqot eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Dan hu l-istess Gvern li kien wiegħed li l-mediċini se jkunu qed jitwasslu sa wara l-bibien tan-nies… iżda llum lanqas biss qed jaslu sal-ispiżeriji.