Internazzjonali

L-Ingilterra: L-istudenti kollha se jistudjaw il-Matematika sa 18-il sena

Il-Prim Ministru Ingliż, Rishi Sunak mistenni li se jkun qed jobbliga li l-istudenti kollha sa 18-il sena jibqgħu jistudjaw il-matematika.

Fl-ewwel diskors tiegħu tas-sena, aktar tard illum, Il-Prim Ministru mistenni jiżvela dan wara li ħass il-bżonn li d-dinja għand tbiddel il-mod kif tħares lejn dan is-suġġett. 

Sorsi mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, Downing Street, qalu li d-dettalji se jitħabbru dalwaqt, għalkemm il-gvern ma semmiex hux se jagħmel il-matematika fil-livell avvanzat obbligatorju.

Skont ċifri tal-Gvern Ingliż, madwar tmien miljun persuna fl-Ingilterra għandhom biss livell bażiku ta’ edukazzjoni fil-matematika tant li l-ħiliet tagħhom għadhom fuq livell tal-iskola primarja. Dan filwaqt li 60% ta’ studenti li jsibu diffikultajiet biex jitgħalmu lanqas biss għandhom il-ħiliet bażiċi tal-matematika.

“Bħalissa, huwa nofs biss taż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, li jistudjaw kwalunkwe matematika. Madankollu fid-dinja tal-lum, l-impjiegi tat-tfal tagħna se jeħtieġu aktar ħiliet analitiċi minn qatt qabel.” mistenni li jgħid Sunak.

Il-Prim Ministru jrid li l-istudenti jistudjaw xi forma ta’ matematika sat-18-il sena, bil-gvern jesplora miżura ta’diversi kwalifiki u għażliet aktar innovattivi.

Waqt id-diskors, is-Sur Sunak mistenni jirrikonoxxi li riforma fuq din l-iskala mhux se tkun faċli, jiġifieri din il-politika mhux se tidħol fis-seħħ qabel il-parlament li jmiss.

Mistenni li jgħid ukoll li l-kwistjoni hija ferm personali għalih, għax l-aktar raġuni importanti għala daħal fil-politika kienet li jagħti lil kull tifel u tifla l-ogħla livell possibbli ta’ edukazzjoni.

Downing Street qalet li studenti li jistudjaw il-matematika sat-18-il sena jpoġġu lill-Ingilterra fl-istess livell mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra tal-OECD – l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp – inklużi l-Awstralja, il-Kanada, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Ġappun, in-Norveġja u l-Istati Uniti.

L-intenzjoni li jiġi żgurat li l-istudenti jistudjaw il-matematika sa 18-il sena kienet preċedentement sostnuta mill-eks segretarju għall-edukazzjoni Michael Gove fl-2011, mill-Lords Science and Technology Select Committee fl-2012 u mbagħad mill-ministru tal-edukazzjoni Liz Truss fl-2014.

Deheret ukoll fil-manifest tal-Labour tal-2015 u ssemmiet mill-Kanċillier ta’ dak iż-żmien George Osborne fil-baġit tiegħu tal-2016.

Ix-shadow secretary tal-edukazzjoni tal-Labour, Bridget Phillipson, ikkritikat il-pjan, u talbet lis-Sur Sunak biex “juri ħidmietu”.

“Hu ma jistax iwettaq din il-wegħda fierħa mingħajr aktar għalliema tal-matematika.  Sena wara sena, il-gvern tilef il-mira tiegħu għal għalliema ġodda tal-matematika, b’għalliema eżistenti jitilqu bil-gżuż.” sostniet Phillipson.

Ix-shadow secretary qalet li l-partit għandu jtemm it-tax breaks għall-iskejjel privati u juża l-flus biex jinvesti f’6,500 għalliem ieħor, inklużi għalliema tal-matematika, biex b’hekk iżidu l-istandards fil-pajjiż.

Id-Deputat Demokratiku Liberali Munira Wilson rrepetiet is-sentiment tal-Labour, u qalet li l-kliem tal-Prim Ministru ma jfisser xejn mingħajr il-fondi u l-istaff meħtieġ biex dan iseħħ.

Żiedet tgħid li wieħed m’għandu bżonn l-ebda livell avvanzat tal-matematika biex ikun jaf li jeħtieġ aktar għalliema biex jgħallmu l-matematika sa 18-il sena milli sa 16-il sena.

Iżda l-iskejjel diġà qed jitħabtu ma ‘nuqqas ta’ għalliema tal-matematika, u l-Konservattivi m’għandhom l-ebda pjan li jbiddlu dan.