Il-House Minority Leader Repubblikan Kevin McCarthy falla diversi drabi fit-tentattivi biex ikun elett Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington.
U l-aġġornament tal-Kamra matul il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa ikkonferma n-nuqqas ta’ deċiżjoni għal lider waqt il-vot inizjali għall-ewwel darba mill-1923.
Il-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni kien ħa l-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti wara l-elezzjonijiet tal-mid-term fl-Istati Uniti li saru f’Novembru. Iżda McCarthy, li ġej mill-Istat ta’ Kalifornja, kellu jiffaċċja rewwixta fost il-kollegi Repubblikani u li ħalliet riżultat negattiv għall-Kamra fuq livell storiku. Dan seħħ ukoll minkejja li McCarthy kellu jaċċetta li jagħti numru ta’ konċessjonijiet tal-aħħar minut lir-‘ribelli’ qabel il-vot importanti.
Il-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti hi fost l-aktar importanti fil-politika tal-Istati Uniti. Dan meta l-Ispeaker jikkontrolla l-aġenda leġislattiva u l-programm ta’ ħidma fil-Kamra, flimkien mal-formazzjoni ta’ diversi kumitati.
Wara li McCarthy tilef tliet voti konsekuttivi relatati mar-rwol ta’ Speaker, il-membri tal-Kamra għandhom ikomplu jivvutaw sakemm xi ħadd jirbaħ maġġoranza, Fil-fatt, il-membri tal-Kamra, fil-preżent, qed iħejju għal vot ieħor li mistenni jsir matul il-lejl.
Anki jekk McCarthy, b’xi mod, jikseb rebħa, hu għandu jsibha ferm diffiċli li jikkontrolla d-diżgwid profond u kważi kaotiku li jeżisti bħalissa bejn il-membri moderati u l-konservattivi tal-lemin mal-Partit Repubblikan fil-Kamra.
//= $special ?>

