Lokali

Malti fost il-persuni li marru jsellmu lil Pele għall-aħħar darba fil-Brażil

Il-funeral ta’ Pele ma kienx bħal funerali li mdorrijin bihom aħna… iżda b’differenza, dan kien ċelebrazzjoni ta’ ħajtu.

Malti, Oliver Micallef li nzerta kien f’Santos, qal ma’ Net News x’atmosfera unika kien hemm fl-aħħar jiem hekk kif eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq biex isellmu għall-aħħar darba il-memorja tal-ikona tal-futbol Pele.

“Kienet atmosfera unika,” qal Micallef. “Kulħadd bil-flokkijiet ta’ Pele. Kulħadd b’xi ritratt ma’ Pele meta kien għadu żgħir u memorji.”

Micallef kellu ċ-ċans li jidħol fl-istadium Vila  Belmiro, fejn hemmhekk in-nies kienu qed isellmu lil Pele li kien jinsab espost għall-pubbliku.

“Kien hemm kju enormi,” qal Micallef. “Naħseb kien hemm kważi kilometru u warajna kien hemm iktar. Naħseb domna xi sagħtejn b’kollox biex dħalna anke minkejja li bdejna ngħaġġlu.”

U l-emozzjonijiet varji ma jistgħux jonqsu hekk kif Pele dejjem kien persuna eżemplari, kemm fil-grawnd u anke barra.

“Kien hemm nies qed jibku,” qal Micallef. “Kien hemm ħafna nies emozzjonati. Mhux kulħadd l-istess. Kien hemm min kien eċitat biex jgħaġġel biex jidħol. Taraha fihom – il-futbol ħajjithom hawnhekk fil-Brażil.”

Għalkemm Oliver ma kienx fost dawk il-persuni li l-għada niżlu fit-toroq ftit qabel id-difna, huwa seta’ jara li l-atmosfera kienet waħda kbira.

“Kien pjanat li jdumu biss tliet kwarti iżda damu kważi tliet sigħat,” qal Micallef.

Esperjenza unika għal Oliver li żgur qatt mhu se jinsa.

“Xi ħaġa li se nibqa’ niftakar għal għomri kollu,” qal Micallef. “Leġġenda tal-futbol. Li kont hemmhekk u rajtu kienet esperjenza sodisfaċenti għalija.”