Sport Sport Ieħor

Nick Mercieca huwa r-rebbieħ tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru

Nick Mercieca ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru. Premju ta’ kull xahar b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance.

Mercieca, flimkien ma’ Kurt Farrugia, iż-żewġ para qaddiefa tas-Siġġiewi Rowing Club, waqqfu rekords tad-dinja ġodda fl-Indoor Rowing għall-500 metri fil-kategoriji rispettivi tagħhom, waqt il-Kampjonati Nazzjonali ta’ Qdif Indoor ta’ Malta. Nick Mercieca kkompeta fil-kategorija tal-irġiel fl-età ta’ bejn il-15 u s-16-il sena PR1, fejn spiċċa l-500m fi 3 minuti 9.6 sekondi, l-ewwel rekord dinji li qatt ġie rreġistrat għal din it-tellieqa.

Din hija l-ewwel darba li Rekords tad-Dinja ġew stabbiliti f’Malta waqt il-Kampjonati Nazzjonali tal-Qdif minn atleti Maltin. F’ Diċembru, huwa kiseb żewġ rekords oħra tad-dinja, li għadhom qed ikunu verifikati mill-World Para Athletics.

Minkejja li għandu spina bifida, kundizzjoni li ma tħallihx juża riġlejh, Nick Mercieca jipprattika wkoll il-calisthenics, il-weight training u l-karate. It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru 2022 ġew ippreżentati lil Nick Mercieca minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Kap E#ekuttiv ta’ Atlas insurance.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-Amministratur Stephen Azzopardi u l-membru tal-kumitat eżekuttiv Domenic Aquilina.