Futbol Internazzjonali

Premier League Ingliż: Southampton fi kriżi profonda wara telfa f’darhom ma’ Nottingham Forest

Southampton u Nottingham Forest bdew is-sena ġdida b’tamiet li jinqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika wara bidu l-istaġun diffiċli, intant, il-konfront tal-bieraħ – ‘six-pointer’ — bejn dawn iż-żewġ tims f’St Mary’s Stadium spiċċa f’telfa oħra għas-Saints li kellhom ibaxxu rashom għall-gowl uniku skurjat fl-ewwel taqsima minn Taiwo Awoniyi…..

Is-Saints, li jinsabu f’qigħ il-klassifika bi 12-il punt minn 18-il logħba, għaddejjin minn mument ħażin ħafna u għandhom anki l-agħar home record fost l-20 tim tal-Premier League Ingliż. Fil-fatt, Southampton, matul l-2022, tilfu disa’ konfronti tal-kampjonat f’darhom u li hu l-akbar ammont ta’ telfiet f’sena waħda mindu huma kienu sofrew għaxar disfatti f’The Dell (l-Istadium l-antik tagħhom) fl-1998.

Intant – u wara li  Southampton bdew il-konfront ma’ Forest fuq nota pożittiva – it-tim ta’ Nathan Jones sab ruħu minn taħt wara nofs-siegħa meta l-winger ta’ Forest Brennan Johnson approfitta mill-iżball ta’ Lyanco biex jiżgiċċa lid-difiża qabel għadda ballun preċiż lil Taiwo Awoniyi għal tap-in faċli.

Ir-reazzjoni tas-Saints kienet fjakka, tant li huma ma tawx xutt wieħed perikoluż fuq il-lasta ta’ Dean Henderson u avolja wettqu ħafna pressjoni matul it-tieni taqsima. Ir-rebħa għal Forest sadanittant hi l-ewwel waħda tagħhom barra minn darhom mill-bidu tal-istaġun, bit-tim ta’ Steve Cooper issa joħroġ miz-zona l-ħamra tal-klassifika.

Leeds United u West Ham, żewġ tims oħra fil-bżonn tal-punti lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika, kienu nvoluti f’konfront interessanti li spiċċa 2-2 f’Elland Road.

Il-logħba bdiet b’applawż għal David Gold, wieħed miċ-Chairman ta’ West Ham li miet fl-età ta’ 86 sena, intant, kienu l-Yorkshiremen li marru fil-vantaġġ meta Wilfried Gnonto (27) irċieva mingħand Summerville qabel għeleb lill-gowlkiper Fabianski għall-ewwel gowl personali bil-flokk ta’ Leeds.

Madankollu il-Hammers wieġbu sekondi qabel il-mistrieħ permezz ta’ penalty  wara li Pascal Struijk waqqa’ lil Jarrod Bowden fil-kaxxa. Intant, Lucas Paqueta ma żbaljax mill-ħdax-il metru għall-1-1.

It-tieni taqsima bdiet fuq l-istess nota pożittiva għal West Ham li qalbu r-riżultat fis-46 minuta grazzi għat-tentattiv minn barra l-kaxxa ta’ Gianluca Scamacca.

Iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Leeds meta Rodrigo ( 70 ) irċieva mingħand Jack Harrison u sab ir-rokna tax-xibka għat-2-2 finali.

Aston Villa u Wolverhampton Wanderers spiċċaw fi dro, 1-1, f’Villa Park u għal riżultat li jħalli lil Wolves it-tieni mill-aħħar b’14-il punt minn 18-il logħba.

Wolves bdew il-logħba aħjar u fit-12-il minuta, Joao Moutinho u Daniel Podence ħadmu azzjoni veloċi fuq il-lemin, b’talaħħar isib l-ispazju biex jispara ġewwa minkejja t-tentattivi tal-gowlkiper Martinez biex isalva.

Madankollu, Villa bdew iżidu fil-logħba u meritatament kisbu l-gowl tad-dro minn Danny Ings (78) li ma kellux diffikultà biex jegħleb lill-gowlkiper Jose Sa mill-viċin. Fl-aħħar sekondi, Leon Bailey kellu l-isbaħ ċans li jaċċerta mill-punti għal Villa meta qabeż lil Sa u banalment xeħet barra quddiem xibka vojta.

Tottenham Hotspur pattew xi ftit għall-aħħar diżappunti b’rebħa kbira, 4-0, fuq Crystal Palace fid-derby ta’ Londra li ntlagħbet f’Selhurst Park u meta Spurs, issa, komplew jikkonsolidaw il-ħames post fuq 33 punt.

Għalkemm Palace kienu xi ftit aħjar mill-ewwel taqsima, it-tieni 45 minuta kienu storja oħra, b’Tottenham jiżblukkaw ir-riżultat minn Harry Kane (48) u bl-istess plejer prattikament jikkonkludi l-konfront bit-tieni gowl skurjat fit-53 minuta. L-Eagles ma kellhomx tweġiba, bi Spurs ikomplu jżidu l-gowls b’xutt ta’ Matt Doherty (68) u b’Son Heung-Min (72) jgħaqqad il-poker b’xutt ieħor għar-rokna minn tarf il-kaxxa.