Lokali

“Robert Abela jkompli bl-imġieba dittatorjali tiegħu” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jeżiġi li Robert Abela jieqaf mill-imġieba dittatorjali tiegħu u jersaq ‘il quddiem biex, bis-saħħa tad-djalogu, jintlaħaq qbil dwar il-persuna li għandha tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

L-Abbozz ta’ Liġi li ppubblika l-Gvern ftit tal-jiem ilu hu konferma oħra ta’ kemm Robert Abela hu politiku perikoluż li jrid jikkontrolla lil kollox u lil kulħadd.

Robert Abela ma jemminx li l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandha tkun okkupata minn persuna li għandha l-kapaċitajiet investigattivi, kif ukoll il-ħeġġa u l-fibra morali li tikxef u twaqqaf l-abbużi li jitwettqu.
Minflok isaħħaħ din l-għodda importanti għad-demokrazija f’pajjiżna, Robert Abela qed jaħtaf istituzzjoni oħra taħt idejh biex bl-għażla tal-persuna, idgħajjifha u jġibha ma tiswa xejn.

Hu ċar li Robert Abela għamel ‘deal’ mal-persuna li jrid akkost ta’ kollox ipoġġiha Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, minkejja li jaf li mhix l-aktar persuna idonea għal din il-kariga.

Dan minkejja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalita Bernard Grech ippropona lill-Prim Ministru l-ismijiet ta’ tliet persuni li huma magħrufin għall-integrità tagħhom, igawdu rispett mill-ispettru politiku kollu u huma idonei biex jinħatru bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.