Futbol Sport

Serie A: Milan u Sampdoria jibdew is-sena l-ġdida b’rebħa

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel żewġ logħbiet tas-sena l-ġdida mill-kampjonat Taljan, Milan u Sampdoria kisbu rebħiet identiċi ta’ 2-1 barra minn darhom kontra Salernitana u Sassuolo rispettivament.

Fi Stadio Arechi Milan għelbu lil Salernitana 2-1 bil-gowls tal-Milanisti jaslu fl-ewwel taqsima minn Leao u Tonali.

Wara biss 10 minuti kien Rafael Leao li għeleb lil Guillermo Ochoa minn azzjoni ta’ Sandro Tonali sabiex poġġa lil Milan fil-vantaġġ.

Ebda reazzjoni minn Salernitana li ħames minuti wara sofrew it-tieni gowl meta minn pass ta’ Brahim Diaz kien Tonali li mill-ġdid għeleb lil Ochoa.

Matul it-tieni taqsima l-andament baqa’ l-istess fejn fit-58 minuta gowl ta’ Diaz għal Milan ma kienx ikkonvalidat bil-VAR.

Fit-83 minuta Salernitana naqqsu l-iskor permezz ta’ Federico Bonazzoli li għeleb li Tatarusano minn azzjoni ta’ Lassana Coulibaly.

Fi Stadio Mapei, Citta del Tricolore Sassuolo 1 Sampdoria 2

Fil-25 minuta Sampdoria marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ Bruno Amione kien Manolo Gabiadini li għeleb lil Consigli.

Tlett minuti wara l-iskor sar 2-0 wara li Tommaso Augello għeleb mill-ġdid lil Andrea Consigli.

Fit-tieni taqsima b’Sassuolo aktar fil-partita fl-64 minuta naqqsu l-iskor minn penalty mgħoti u skorjat minn Domenico Berardi iżda dan ma’ kienx biżżejjed hekk kif l-iskor sa tmiem il-partita baqa’ dak ta’ 2-1 favur Sampdoria.