Lokali

Subien ta’ ‘l fuq minn 12-il sena jistgħu jieħdu l-vaċċin tal-HPV

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa waranofsinhar, tħabbar li l-vaċċinazzjoni kontra l-Human Papilloma Virus, magħrufa wkoll bħala HPV u li s’issa kienet tingħata biss lill-bniet minn 12-il sena ‘l fuq… se tibda tingħata  wkoll lis-subien tal-istess età.

Huwa magħruf li dan il-vaċċin, minbarra li jipprevjeni l-kanċer fl-għonq tal-utru, jipprevjeni wkoll tipi oħra ta’ kanċer ikkawżati mit-tixrid tal-virus tal-HPV.

B’hekk ġie deċiż li t-tfal kollha li jgħalqu t-12-il sena ser ikunu qed jirċievu appuntament għall-ewwel tilqima kontra l-virus… filwaqt li t-tieni doża se tkun qed tittieħed sitt xhur wara.

Apparti dan, il-vaċċin kontra l-virus tal-HPV se jiġi offrut lis-subien kollha li twieldu mis-sena 2000 ’l hawn gradwalment, u fil-każ tas-subien li diġà għalqu l-15-il sena, ikun hemm bżonn tat-tielet doża.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li l-vaċċin kontra l-COVID-19 ser jibda jingħata wkoll lit-tfal ta’ bejn is-6 xhur u l-ħames snin. Dan filwaqt li ġiet approvata wkoll il-booster tal-Omicron għat-tfal ikbar fl-età li kienu diġà rċevew l-ewwel żewġ dożi tal-vaċċin.

Għaldaqstant, il-ġenituri li jixtiequ jlaqqmu lil uliedhom jistgħu jagħmlu dan bili jżuru ċ-ċentri tas-saħħa li qed joffruhom.

Iċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana qed joffri dan it-tilqim kull nhar ta’ Ħamis, tal-Mosta nhar ta’ Tlieta, ta’ Raħal Ġdid nhar ta’ Erbgħa, u tax-Xewkija Għawdex nhar ta’ Erbgħa bejn is-2:30 ta’ waranofsinhar u s-6:30 ta’ filgħaxija.