Futbol Sport

‘Xogħli fl-Ewropa għamiltu’ – Cristiano Ronaldo

(Ritratt: EPA)

L-ewwel dehra ufficjali ta’ Cristiano Ronaldo fil-Mrsool Park Stadium f’Riyadh fl-Arabja Sawdija u l-ewwel dehra mal-media internazzjonali . Ronaldo ingħaqad ma’ Al-Nassr għas-somma rekord ta’ 200 miljun Ewro b’kuntratt sa Ġunju 2025. Ta’ 37 sena fil-ftit kummenti li ta lill-ġurnalisti, Ronaldo qal li huwa plejer uniku għax kiser ir-rekords kollha u jrid jikser aktar records. Huwa sostna li ingħata dak il-kuntratt uniku għax huwa plejer uniku u li xogħlu fl-Ewropa għamlu hekk kif rebaħ kollox.

Biex jaraw lil Ronaldo, rebbieħ ta’ ħames edizzjonijiet tal-Ballun tad-Deheb, f’Riyadh kien hemm 25,000 partitarju ta’ Al-Nassr. Huwa ħa sehem fl-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fejn fost tant logħob tan-nar u ċelebrazzjonijiet ħareġ fil-pitch flimkien ma’ uliedu u s-sieħba Georgina Rodriguez liebsa l-abaya sewda kif wara kollox jilbsu in-nisa fl-Arabja Sawdija.