It-tibdil fil-kliem tal-emenda tal-abort li se jkun qed iressaq il-Gvern ta’ Robert Abela, x’aktarx se jkun qed jillegalizza li jsir l-abort sa 24 ġimgħa ta’ tqala – li jfisser madwar ħames xhur u nofs minn mindu t-tarbija tkun qed tiżviluppa fil-ġuf. Bl-unika abort li se jibqa’ illegali huwa dak li jsir wara dan it-terminu ta’ tqala.
Fi stqarrija l-Fondazzjoni Life Network u l-għaqdiet Doctors for Life u I See Life kkundannaw il-kummenti li għadda l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, meta waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li l-Gvern se jkun qed ibiddel il-kliem tal-emenda dwar l-introduzzjoni tal-abort. Dan, sabiex fi kliem Fearne stess, jagħlaq ħalq dawk kollha li opponew biex din l-emenda tidħol fis-seħħ.
Iżda dan it-tibdil fil-kliem xorta ħalla lok għal numru ta’ interpretazzjonijiet hekk kif Fearne stqarr li bil-kliem ‘il-ġdid’ li se jintuza, jekk tarbija tista’ titwieled u tgħix ħajja b’mod indipendenti, dik it-trabija għandha tkun protetta u tingħta d-dritt li tgħix.
L-istqarrija tal-Life Network tgħid li dan il-kliem jaf iwassal għal bosta xenarji u possibiltajiet…. għax ġeneralment it-tarbija fil-ġuf irid ikollha 24 ġimgħa biex tkun tista’ tgħix waħedha. Għalhekk fi kliem sempliċi… l-abort jista’ jsir sa 24 ġimgħa tqala.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern m’għandu ebda mandat elettorali biex jillegalizza l-abort f’pajjiżna. Dan hekk kif b’dak li qed jipproponi l-Gvern, il-mara tista’ tittermina t-tqala tagħha sakemm it-trabija fil-ġuf ikollha ħames xhur jekk is-saħħa tal-omm tkun qiegħda f’periklu.
Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, it-terminu saħħa huwa wieħed vag ħafna għax jinkludi wkoll saħħa mentali, saħħa fiżika kif ukoll il-benesseri soċjali.
L-istqarrija tgħid li din l-emenda qed issir dejjem iktar tixbah l-att dwar l-abort li hemm fir-Renju Unit, li wassal biex isiru iktar minn 10 miljun abort minn mindu l-att daħal fis-seħħ… bi 98% minnhom ikunu minħabba raġuni ta’ saħħa mentali tal-omm.
Il-koalizzjoni favur il-ħajja qed terga’ titlob lill-Gvern sabiex jipprovdi l-kjarifika meħtieġa ħalli kull intervent mediku li jsir sabiex titħares is-saħħa tal-omm, jeskludi li ssir ħsara diretta u indiretta lit-tarbija fil-ġuf.
L-istess koalizzjoni għadha sal-lum il-ġurnata tistenna risposta mingħand il-Prim Ministru Robert Abela għal-laqgħa dwar din l-emenda kontroversjali li se twitti t-triq għall-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Il-President tal-Life Network Foundation Miriam Sciberras saħqet li l-emenda proposta hija inaċċettabbli u turi disrispett kbir lit-tarbija fil-ġuf. U jekk din l-emenda tidħol fis-seħħ, Malta jkollha waħda mill-iktar liġi tal-abort estermi minn fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>