Ikomplu l-attakki fuq diversi żoni tal-Ukrajna hekk kif żagħżugħ ta’ 18-il sena tilef ħajtu wara l-aħħar attakk fuq il-belt ta’ Kherson.
Kherson ġiet liberata mill-okkupazzjoni Russa f’Novembru li għadda fejn is-suldati kienu rtiraw lejn in-naħa l-oħra tax-xmara Dnipro. Iżda l-attakki tal-armata tal-Kremlin xorta baqgħu għaddejin; jum wara l-ieħor.
Minn naħa tiegħu, il-President tar-Russja Vladimir Putin stqarr li lest li jibda jinnegozja mal-Ukrajna sabiex jintlaħaq xi tip ta ftehim għat-tmiem tal-gwerra. Iżda, l-unika xenarju li fih Putin ikun lest għal diskussjoni huwa meta l-Ukrajna taċċetta l-fatt li trid ċċedi ammont ta’ territorji.
Minn naħa l-oħra l-qawwiet Ukreni qed ibassru li l-ġlied u l-attakki se jilħqu l-qofol tagħhom f’Marzu li ġej hekk kif l-Ukrajna għandha pjan diġa’ lest għal meta r-Russja tattakka.
Barra minn hekk, hemm pjan sabiex l-Ukrajna tillibera l-aħħar territorji li baqa’ ħalli jassiguraw ir-rebħa tagħhom kontra Putin u l-Kremlin. Iżda dan iseħħ biss jekk tiġi liberata l-Ukrajna kollha; mill-Krimea sad-Donbas.
Intant, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li tkun mossa verament perikoluża jekk xi ħadd jiddubita li r-Russja m’għadiex b’saħħitha f’din il-Gwerra. Huwa qal li r-Russja ittollerrat diversi telfiet filwaqt li m’hemm l-ebda indikazzjoni li Putin biddel l-istrateġija kif ukoll l-għanijiet tieghu f’din il-Gwerra.
//= $special ?>