Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Putin jordna waqfien mill-ġlied għal 36 siegħa

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin ħareġ direttivi lill-Ministru tad-Difiża tiegħu biex jimponi waqfien mill-ġlied (ceasefire) għal 36 siegħa fuq il-front tal-gwerra mal-Ukrajna — bil-ftehim għandu jidħol fis-seħħ minn għada l-Ġimgħa.

Il-waqfien mill-ġlied għandu jikkoinċiedi mal-Milied għar-Russi Ortodossi iżda l-Ukrajna ma laqgħetx it-talba ta’ Putin biex tirreċiproka — bil-Gvern fi Kiev iħeġġeġ biex il-President Russu ‘ma joħroġx aktar ta iprokrita’.

Stqarrija minn Moska enfasizzat li Putin qed jordna lit-truppi tiegħu biex jieqfu mill-ġlied għall-imsemmi perjodu mhux għax qed jaqta’ lura mill-konflitt iżda għaliex irid jirrispetta t-talba tal-Patrijarku Kirill, il-Kap tal-Knisja Ortodossa Russa, biex il-Kremlin jiffissa waqfien mill-ġlied għall-Milied biex id-devoti jattendu s-servizzi reliġjużi għal Jum il-Milied Ortodoss li jaħbat is-Sibt, is-7 ta’ Jannar ( dejjem skont il-kalendarju Ġiljan).