Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri jitbissem u ma jweġibx dwar każ serju ta’ swat

Hekk kif l-Erbgħa, żewġ uffiċjali ta’ Trasport Malta tressqu l-Qorti akkużati li attakkaw xufier minkejja li mexa mal-ordnijiet tagħhom, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ħass li ma kellux iwieġeb dwar dan il-każ. Għas-sempliċi fatt li Transport Malta ma taqax taħtu.

U minflok wieġeb għad-domandi ta’ Net News, il-Ministru tbissem u ma wegibx dwar il-fatt li aktar istituzzjonijiet qed ifallu mid-doveri taghhom – jum wara l-ieħor.

Bl-iskuża li Transport Malta ma taqax taħt id-dekasteru tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri għażel li jaħrab milli jwieġeb id-domandi ta’ Net News .. u baqa’ jinsisti li hu m’huwiex il-politiku ikkonċernat.

Meta mistoqsi dwar diversi każijiet xokkanti li smajna bihom fl-aħħar snin, fejn kienu involuti diversi uffiċjali pubblici .. kemm tal-Pulizija, uffiċjali tal-Lesa, u anke uffiċjali tal-ħabs, flok ma qalilna x’inhu jsir biex jitwaqqaf dan it-tip ta’ abbuż minn persuni li suppost jagħtu eżempju, il-Ministru baqa’ jilgħab bid-diskors u jgħid li l-aġir ta’ persuna waħda jew tnejn ma jirrifletix fuq kulħadd.

Fil-Qorti, mix-xhieda  li ħarġet s’issa, ir-raġel barrani qala’ bosta daqqiet f’diversi partijiet ta’ ġismu, b’wieħed mill-uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta jkun Rene Antonelli, u l-ieħor ġie identifikat bħala Ivan Cassar.

Dan il-każ ħareġ fid-deher permeżż ta filmat li ġie ppubblikat fuq il-media soċjali minn persuna li kien qed isegwi dak kollu li seħħ quddiemu. U wara li l-Qorti semgħet lill-vittma u xhieda oħra jagħtu d-depożizzjoni tagħhom, iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.