Analista tal-gwerra Russu li dam is-snin leali għal Vladimir Putin qed jgħid li bdiet diġà ‘il-ħidma minn taħt’ biex Putin jitqaċċat minn President tar-Russja.
Igor Strelkov, eks-kurunell mas-servizzi sigrieti tal-FSB, qal li l-ġlieda għall-kontroll tal-Kremlin diġà għaddejja fost l-uffiċjali ewlenin ‘ta’ madwar Putin’ u meta l-Gwerra fl-Ukrajna baqgħat tipproduċi disfatta wara l-oħra għar-Russi fuq il-kamp tal-battalja.
Strelkov, li fl-2014 kien strumentali fil-ħtif tal-Krimea lill-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Putin, illum hu kritiku ewlieni tal-istrateġija tal-gwerra tal-Kremlin fl-artijiet Ukreni. Hu jemmen li t-telfa għar-Russja saret kważi inevitabbli u li l-uniku mod kif Putin jista’ jevita umiljazzjoni hu jekk jaqbad u jimmobilizza nofs-miljun aktar suldati u ġellieda mill-aktar fis għall-battalji fl-Ukrajna,
L-eks-kurunell kompla li Yevgeny Prigozhin, wieħed mill-akbar kollegi ta’ Putin u li jmexxi l-Armata privata bl-isem Wagner, diġà qed jipprova ‘ jelimina’ lill-uffiċjali Russi indikati bħala alleati tal-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu.
Hemm anki possibbiltà li l-alleati politiċi tal-eks Kap tal-FSB Nikolai Patrushev – illum Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russa – ineħħu lil Putin mill-poter f’attentat biex il-grupp elitista li qed imexxi lir-Russja jibqa’ fit-tmun anki f’każ li l-gwerra tipproduċi aktar riżultati diżastrużi għat-truppi ta’ Moska.
Xi sorsi qed jgħidu li membri influwenti tas-sistema tas-sigurtà fir-Russja diġà qed jippreparaw lil Dmitry Patrushev, il-Ministru Russu għall-Agrikoltura u iben Nikolai Patrushev, bħala ‘il-front’ għal kolp ta’ stat li għandu jara l-aħħar ta’ Putin bħala President f’każ li hu ibati effetti tas-saħħa ‘irreparabbli’ jew f’sitwazzjoni fejn ir-Russja tkompli titlef is-suldati bil-mijiet fl-Ukrajna.
Iżda Igor Strelkov iqis lil Yevgeny Prigozhin bħala l-akbar periklu għal Putin, bi Prigozhin qed jissielet biex iżid l-influwenza tiegħu bħala forza politika. Dan fost spekulazzjoni li Progozhin, li qed jingħata dejjem aktar prominenza mill-istampa Russa, jista’ qed jaħseb biex jilħaq Ministru tad-Difiża minflok Shoigu — jew anki President tar-Russja.
//= $special ?>

