Lokali Qorti

Jammetti fastidju fuq is-sieħba tiegħu, li aggredixxa lil missierha u rreżista l-arrest

Raġel ta’ 30 sena minn Bormla li qal lill-Qorti li jaħdem bħala ‘tatoo artist’ ammetta li nhar l-Erbgħa li għaddew wara li kellu xi jgħid mas-sieħba tiegħu b’messaġġi minn fuq il-mobile ta fastidju u li spiċċa biex mar għaliha d-dar tagħha fejn beda jagħti bis-sieq fuq il-bieb ta’ barra. Fil-Qorti ħareġ ukoll li d-dar kien hemm missierha li ġie aggredit mill-ħati.

Ir-raġel ammetta l-10 akkużi miġjubin kontrih li jinkludu li meta marru l-Pulizija fuq il-post, ipprova jħebb għalihom u rreżista l-arrest, u li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Ir-raġel li ismu mhux qed jixxandar biex jiġu protetti l-vittmi ammetta quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq li wettaq dan ir-reat f’Raħal Ġdid għall-ħabta tad-9.30 am.

Ammetta wkoll li fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew ta fastidju lill-vittma tiegħu, u li fl-istess lok u ċirkostanzi ġab ruħu b’mod li mhux xieraq mal-vittma, li minnu għandha tarbija. Ammetta li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża fuq mara li kienet f’relazzjoni miegħu u li se tintuża vjolenza kontriha u l-propjetà tagħha.

Huwa wieġeb ħati wkoll li mingħajr il-ħsieb li joqtol lil missier il-vittma, ħebb għalih u kkaġunalu ferita ta’ natura ħafifa. r-raġel ammetta li nġurja lil mara u li kiser il-provedimenti ta’ sentenza sospiża mogħtija f’Settembru li għadda u l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mogħtija fl-aħħar tas-sena tal-2019, u li kiser il-paċi pubblika.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb, talbu għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit tgħid li f’dan l-istadju peress li l-akkużat ikkopera u rreġistra ammissjoni, hija ma toġġezzjonax sakemm ikun hemm ordni ta’ protezzjoni.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur erba’ persuni għall-perjodu ta’ sentejn u laqgħet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 5,000 sakemm il-Qorti taħtar uffiċjal tal-probation biex jagħmel rapport għall-Qorti qabel tgħaddi għas-sentenza.

Fost il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti hemm li ma jersaqx lejn Raħal Ġdid, li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, jirtira d-dar tiegħu sal-10pm. u ma joħroġx qabel is-6am. Il-kawża ġiet differita għal nhar it-Tlieta li ġejjin fl-10am. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.