Internazzjonali

L-Istati Uniti: Evakwazzjonijiet minn Kalifornja qabel tolqot maltempata

Ir-residenti fid-diversi zoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Kalifornja qed isegwu direttivi għal evakwazzjoni meta l-artijiet mal-kosta qegħdin iġarrbu l-effetti ta’ maltempata ta’ qilla partikulari. Intant, ir-reġjuni fejn, xhur ilu, kienu seħħew in-nirien qalb foresta huma indikati bħala l-aktar perikolużi minħabba ċ-ċirkustanzi  — u fost il-potenzjal ta’ għargħar u sensiela ta’ valangi tal-art.

Il-Gvernatur ta’ Kaliforna  Gavin Newsom iddikjara stat ta’ emerġenza relatat mal-maltempata li hi t-tieni waħda li laqtet lill-Istat tiegħu fi żmien ġimgħa. L-Uffiċċji meteoroloġiċi anki qed jirreferu għall-possibbiltà ta’ ċiklun ta’ qawwa straordinarja bil-kapaċità li tħalli diversi mejtin fl-inħawi li tolqot.

In-National Weather Service (NWS) ħareġ allert speċjali għall-irwiefen u l-għargħar fuq bażi ta’ flood watch għaz-zona sħiħa ta’ Bay Area fin-naħa ta’ fuq ta’ Kalifornja. Dan meta mistenni li l-maltemp iqaċċat is-siġar minbarra li jikkaġuna l-qtugħ fid-dawl.

Ħarġet anki twissija partikulari biex ir-residenti fiz-zoni l-baxxi ta’ Kalifornja jitilqu minnufih lejn artijiet aktar għoljin.