Quddiem eluf li ngabru fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan u miljuni li segwew ix-xandiriet minn fuq it-televizjoni…il-Ħamis ingħatat l-aħħar tislima lill-Papa Benedittu XVI, li miet lejlet l-ewwel tas-sena fl-eta ta’ 95 sena – Papa li se jibqa’ mfakkar bħala teologu kbir li ħalla marka bil-kitba tiegħu, kif ukoll bħala bniedem ta’ talb u devozzjoni kbira.
Dan kien jum storiku għall-Knisja Kattolika fejn Papa preżenti mexxa l-quddies funebri ta’ Papa preċedenti. Fil-fatt, il-Papa Benedittu kien irriżneja mill-kariga tiegħu minħabba problemi ta’ saħħa iżda xorta waħda baqa’ ferm qrib tal-Papa Franġisku.
Papa Benedittu XVI se jibqa’ mfakkar bħala dak il-Papa li għalih it-talb kien importanti ferm. Papa li għex ukoll numru ta’ krizijiet li għaddiet minnhom il-Knisja Kattolika… u ma bezax jieħu ċerti deċiżjonijiet.
Il-funeral tal-Papa Benedittu XVI beda għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħodu fejn għal dan il-funeral kienu mistiedna biss żewġ delegrazzjoniji uffiċjali… dik tal-Italja u tal-Germanja, il-pajjiż fejn propju twieled Joseph Ratinzger.
Fic-cerimonja, spikka t-tebut sempliċi li fih tpoġġa Joseph Ratzinger; turija ċara ta’ kemm Benedittu għex ħajtu fis-sempliċità.
Matul l-omelija tiegħu il-Papa Franġisku stqarr li t-tagħlim tal-Papa Benedittu għadu ferm utli għall-ħajja tal-lum. U fisser kif Ġesu Kristu se jilqa’ lil Ratzinger fi ħdanu.
Il-Papa Franaġisku tkellem dwar kemm il-poplu kien fortunat li Alla silef lil Joseph Ratzinger sabiex ikun fit-tmun tal-Knisja Kattolika. Huwa qal li l-Papa Benedittu ddedika ħajtu jispjega l-misteri ta’ Kristu lill-poplu.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika tkellem ukoll dwar l-irwol tar-ragħaj li dejjem ikun hemm għall-merħla tiegħu.. fejn qal li r-ragħaj qatt ma jista’ jerfa’ l-piż waħdu hekk kif għandu bżonn l-għajnuna tal-poplu ta’ Alla.
It-talbiet tal-fidili waqt din ic-cerimonja funebri saru b’diversi lingwi fosthom it-Taljan u l-Franċiż; u bl-ewwel waħda tkun bil-Ġermaniż, il-pajjiż li fih trabba Papa Benedittu XVI.
Għall-funeral ta’ Papa Benedittu Malta kienet irrappreżentata mill-Arciqof Charles Scicluna, u preżenti kien hemm ukoll il-Karnidal Mario Grech. U mat-tmiem taċ-ċelebrazzjoni, il-folla preżenti nstemgħet tgħajjat il-kliem ‘Santo Subito’
Intant, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-knejjes kollha ta’ Malta daqqew mota ta’ luttu b’tislima lill-Papa Emeritu Benedittu XVI.
Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-funeral, saret id-difna tal-Papa Benedittu XVI fil-kripta tal-Vatikan… f’liema kripta hemm midfuna iktar minn 90 Papa. U Ratzinger indifen fl-istess qabar li fih kien indifen Papa Ġwanni Pawlu II.
//= $special ?>