Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq serq minn ħwienet u li sar reċidiv

Raġel ta’ 33 sena minn Ħal Tarxien li lejliet l-aħħar tas-sena li għaddiet ġie mixli flimkien ma’ persuna oħra b’serq minn pompa tal-petrol fi Triq il-Kanun, Santa Venera, matul il-lejl ftit qabel il-Milied ġie kundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fuq serq minn ħwienet f’Raħal Ġdid u l-Fgura u li sar recidiv.

Carl Ciantar, li jbati minn problema ta’ droga kien akkużat b’serqiet minn stabbilimenti varji ġewwa Raħal il-Ġdid u Fgura bl-ewwel rapport jasal fl-14 ta’ Mejju 2018 minn si ta’ ħanut li sabet li nsterqilha stokk ta’ ħwejjeġ u madwar €250 cash. L-Ispettur Hubert Cini spjega li minn investigazzjonijiet instab finger print li jappartjeni lill-imputat.

Rapport ieħor sar fit-18 ta’ Mejju, 2018 minn mara, li mill-ħanut tagħha, fil-Fgura, insterqulha €150 flus cash. Cini kompla jgħid li l-imputat ġie identifikat bħala l-awtur tas-serqiet peress li investigazzjoni fuq serqa oħra li seħħet fil-25 ta’ Mejju, 2018, wasslet biex jinstab l-imputat f’ħanut f’Raħal Ġdid, liema ħanut kien ġie żgassat, fejn fuq Ciantar instabu €150 fi flus kontanti u xi muniti.

L-imputat irriżulta kien liebes l-istess ħwejjeġ li jidher liebes f’filmati li ttieħdu minn CCTV f’wieħed mill-ħwienet misruqin. Fl-interrogazzjoni tiegħu Ciantar stqarr li hu minnu li jbati mill-problema tad-droga iżda ċaħad li kien hu l-awtur tas-serqiet.

Carl Ciantar instab ħati li fil-25 ta’ Mejju 2018 għall-ħabta tas-2:45am kkommetta serq ta’ flus minn ħanut li jinsab
fi Triq il-Palma Raħal il-Ġdid u li għamel ħsara fuq il-bieb tal-ħanut wara li sgassah biex daħal jisraq, liema serq jammonta għal mhux aktar minn €2,500 iżda iktar minn €250. Huwa nstab ħati wkoll li għamel vjolazzjoni oħra kontra l-propjetà ta’ ħaddieħor.

Huwa nstab ħati wkoll li ġimgħa qabel fil-lejl ta’ bejn is-17 ta’ Mejju u t-18 ta’ Mejju minn ħanut ieħorli jinsab fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura, kkommetta serq ta’ flus, liema serq huwa aggravat u talli volontarjament għamel ħsara jew għarraq ħwejjeġ ħaddieħor, ċioe’ ħsara fil-bieb tal-ħanut, liema ħsara tammonta għal mhux aktar minn €2,500) iżda hi iktar €250.

Mix-xhieda rriżulta li fil-25 ta’ Mejju, 2018, is-Surġent Conrad Ellul irċieva telefonata anonima li persuna kienet qegħda tisraq minn ħanut. Kif wasal fuq il-post ra li l-Pulizija li kien bagħat qablu u sabu lill-imputat jistaħba wara l-‘cash register’ u kien hu li nforma lil Ciantar bl-arrest tiegħu.

Fuq il-post instab basket blu b’Nokia iswed, flus kontanti fl-ammont ta’ €105, tornavit kbir, ‘nose gripper’ tad-ditta
Powerfix, furmatur, bott ‘expanding foam’ u t-shirt aħdar flimkien ma xi muniti. Sid il-ħanut rrapporta mal-Pulizija li bħala flus fil-cash register, li dak il-ħin dehret miftuħa u “litteralment vojta”- kellu xi €105 u muniti.

Is-Surġent Sergio Farrugia ikkonferma kif sab limputat jistaħba taħt il-‘cash register u l-oġġetti li nstabu fil-basket “dhalt fil-hanut u ġie ma wiċċi”, qal ix-xhud. L-Ispettur Chantelle Casha spjegat ġiet infurmata bi żgass ta’ ħanut fejn il-ħalliel inqabad ġewwa u rriżulta li kien Ciantar.

Casha esibiet l-basket li kien ħalla warajh Ciantar li kien fih set ingwanti, tliet biċċiet għodda, ‘spray tal-foam’, flokk blu u mobile. Fih kien hemm ukoll ċavetta tad-dar li rriżultat ta-residenza tal-imputat kif ukoll ċavetta tal-karozza, liema karozza kienet tappartieni lill-omm Ciantar.

Il-mobile irriżulta li kien reġistrat fuq l-imputat. L-ispettur kompliet tispjega kif cctv footage meħud minn ħanut fil-Fgura, juri l-imputat liebes listess ħwejjeġ li kien liebes meta ġie arrestat f’ħanut ieħor, Fi stills meħuda minn dan il-filmat, tidher persuna ta’ statura identika għal dik tal-imputat fiż-żmien meta tressaq quddiem il-Qorti, biex ma jingħad xejn dwar fattizzi ferm simili għal dawk ta’ Ciantar.

Il-Qorti ikkunsidrat in-natura tar-reati li qed tinstab ħtija dwarhom, tal-fedina penali tal-imputat, tal-konklużjoni tal-Bord stabbilit skont l-artikolu 6 talKapitolu 537 tal-Liġijiet ta’ Malta u taċ-ċirkostanzi tal-każ. Hawn irid jingħad li
fil-konklużjoni tiegħu, il-Bord la jsemmi li l-persuna akkużata minkejja li kienet sofriet minn dipendenza fuq id-droga ħelset mid-dipendenza fuq id-droga, u lanqas li sostanzjalment irnexxielha teħles lilha nnifisha mid-dipendenza fuq id-droga.

Il-Qorti qalet li mhix konvinta mill-konklużjoni tal-Bord u cioe li Ciantar tassew irriabilita ruħu mqar parzjalment sabiex jeħles lilu nnifsu mid-dipendenza fuq id-droga u dan, propju mill-mod kif mill-ewwel mumenti beda jġib ruħu limputat hekk kif inħeles mill-inkarċerazzjoni in konnessjoni ma proċeduri separati.

Fil-fatt l-imputat jew ma kienx jidher għas-seduti fejn joħloq skużi għan-nuqqas tiegħu, skużi li baqgħu qatt ma ġew
sostanzjati, jew jiġi l-Qorti f’ħinijiet li jidhirlu hu wara li l-kawża tiegħu tkun ilha li għadda ħinha. Din mhi xejn għajr turija ċara li għadu ma fehemx il-gravità tal-għemil tiegħu u daqstant ieħor jinħtieġ li jipprosegwi bir-riabilitazzjoni tiegħu f’ambjent kontrollat biex il-progress li għamel tul l-inkarċerazzjoni preċedenti ma tisfumax fix-xejn.

Il-Qorti kompliet tgħid li Ciantar qed juri b’mod mill-aktar elokwenti li ma tgħallem xejn mill-opportunità lilu mogħtija u lanqas ma tbeżbeż miċ-ċaħda tal-libertà tiegħu! Lanqas ma jista’ jintesa l-fatt li l-imputat hu reċidiv ai termini tal-artikoli 50 u 289 tal-Kodiċi Kriminali. Għal dawn il-motivi huwa ġie kundannat sentejn priġunerija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Hubert Cini u Chantelle Casha.