Lokali Qorti

Sigmund Mifsud f’laqgħa mat-‘top management’-“Irridu nikkonvinċuha biex taħsibha jekk se tagħmel vendikazzjoni”

Sigmund Mifsud, eks kanditat tal-Partit Laburist għamel pressjoni fuq it-‘top management; tal-Orkestra Nazzjonali f’laqgħa li huwa għajjat għak tal-apposta għalihom biex dawn jagħmlu minn kollox biex jikkonvinċu lill-vittma ta’ fastidju sesswali biex taħsibha sew jekk kienet beħsiebha tagħmel dak li huwa sejjaħ ‘vendikazzjoni’ minn naħa tagħha.

Dan id-dettal ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella kompliet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali Sigmund Mifsud li jinsab mixli li fixkel il-provi fil-każ li fih ufiċċjal tal-Orkestra Nazzjonali ammetta li ta fastidju lil membru tal-orkestra. Fastidju sesswali li dam sejjer is-snin tant li l-vittma kellha titlaq mill-impieg tagħha.

L-ewwel xhud kien l-Avukat Lennox Vella li ppreżenta l-Qorti bid-DVD u t-traskrizzjoni tal-istqarrija li kien ta Sigmund Mifsud. Wara xehed l-Ispettur Kevin Pulis li qal li f’Novembru li għadda kien intalab jassisti fl-investigazzjoni dwar rapport li kien sar dwar każ ta’ fastidju sesswali minn raġel Għawdxi li kien qed iseħħ fl-uffiċini tal-Orkestra Nazzjonali u waqt attivitajiet tal-Orkestra.

Pulizija kienet kellmet fid-dettal lill-allegata vittma u wara kien intalab mandat t’arrest biex jiġi arrestat l-Għawdxi, li tressaq il-Qorti, u rreġistra ammissjoni u ngħata sentenza. Sussegwentament, il-Pulizija kellha indikazzjonijiet li seta kien hemm l-involviment tal-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Sigmund Mifsud. Pulizija bagħtet għal diversi persuni minbarra li għat-tieni darba reġgħet bagħtet għall-vittma li kienet irilaxxat dikjarazzjoni.

Fost il-persuni li kellmet, fit-3 ta’ Novembru Shirley Farrugia Calleja kienet qalet li Sigmund kien talabha tagħmel meeting mat-‘top management’ tal-Orkestra għax xtaq ikellimhom. Kienet tat dikjarazzjoni li  matulha qalet li Sigmund kien għamel ‘meeting’ u qalilhom “Biex nikkonvinċu lill-vittma biex taħsibha sew biex jekk se tagħmel vendikazzjoni taħsibha sew.”

Il-Kontrollur Finanzjarju ma qabilx ma’ Sigmund Mifsud

Ix-xhud qal li kien mitkellem Reuben Sammut, Kontrollur Finanzjarju. “Minn dak li fehmna mill-kompożizzjoni tal-Orkestra, jiġi wara Sigmund Mifsud” qal ix-xhud. Kienu kellmuh il-Pulizija għax kien preżenti fil-laqgħa. Kien qalilhom li waqt il-laqgħa Sigmund kien qalilhom beix jippruvaw jikkonvinċu lill-allegata vittma biex tibdel l-ittra li bagħtet tar-riżenja u ma tmurx għand l-awtorità kompetenti għax din kienet se tagħmel ħafna ħsara lill-Orkestra.

Mistoqsi jekk ħax is-suġġeriment ta’ Sigmund, Sammut qal li le, lill-allegata vittma ma kellimhix għax kien jagħmel xi ħaġa ħażina hu. Ħass li dak li qed tallega l-vittma għandu jiġi vverfikat u jekk ikun il-każ issir ġustizzja. Wara li kellmu xi nies oħra li kienu preżenti fil-laqgħa, il-Pulizija bdew il-proċeduri legali kontra Sigmund Mifsud.

Flimkien mal-Ispettur Gabriel Micallef, daħal fix-xena l-Ispettur Pulis u bagħtu għal Sigmund Mifsud l-Għassa tal-Belt. L-akkużat kien ikkopera mal-pulizija u tahom aċċess għall-mobile tiegħu u l-Pulizija setgħu jaraw konveresazzjonijiet bejn Sigmund u l-Għawdxi.

“Rajna li kien hemm ħbiberija kbira bejn it-tnejn. Ħadna stampa aktar ċara għalfejn sar dak il-meeting. Fl-4 ta’ Novembru tard filgħaxija tlabna lil Sigmund kienx lest jagħti stqarrija u kien ta stqarrija ta’ madwar sagħtejn, stqarrija qeda preżentata f’dawn l-atti” kompla x-xhud.

Kontroeżaminat mill-Avukat Sean Zammit qali li stqarrijiet ta’ Shirley u ta’ Ruben Sammut saru bil-miktub. Shirley kellmuha fis-27 ta’ Ottubry u Ruben fit-3 ta’ Novembru. L-Ispettur qal li fl-istqarrija affronta lil Sigmund b’recordings li kellu Sigmund stess fil-what’s app.

L-avukat qal lill-Ispettur li sema xi recordings oħra għax lil Sigmund qallu “Qed tigdeb għax il-vittma qalet li għajjiet u ma tiflaħx iżjed.” L-Ispettur qal li kien jaf bl-eżistenza ta’ xi recordings imma ma semgħahomx, hu kien qed jaffronta lil Sigmund abbażi ta’ x’kienet qaltlu l-vittma meta kellimha, jiġifieri abbażi tal-verżjoni tal-vittma u tar-recordings fil-whats app bejn Sigmund u r-raġel li ammetta l-każ ta’ fastidju sesswali fil-konfront tal-vittma.

Hawn id-difiża qalet li ma kellhix aċċess la għar-recording tal-allegata vittma u lanqas tal-whats app. L-Ispettur qal li recording tal-vittma ma kienx fil-pussess tiegħu u ma jafx jekk jekk kienx fil-pussess tal-Pulizija. Xehed ukoll is-Surġent Jean Paul Zahra, li qal li fid-9 ta’ Ottubru, l-allegata vittma daħlet l-Għassa tal-Belt biex tagħmel rapport dwar fastidju sesswali fil-konfront tar-raġel li ammetta.

Fir-rapport elenkat x’kien jagħmlilha u qalet li kienet kellmet ukoll lill-Kap Eżekuttiv Sigmund Mifsud li fost oħrajn kien qalilha li qed tesaġera u tkun sensittiva.  Ftit xhur wara reġgħet ikkonfrontatu b’dawn l-aġir u Sigmund qalilha li kien se jkellmu iżda ftit wara qalilha li qed tesaġera u wieħed irid jara ż-żewġ naħat tal-istorja.

Kienet ikkonfermata x-xhieda tal-Kuntistabbli Mariah Bongalis li kienet ma’ Zahra meta l-allegata vittma marret l-għassa tagħmel ir-rapport. Bongalis kitbet ir-rapport. Qalet li l-allegata vittma kienet bagħtitilha email bi screen shots ta’ x’kien jibgħatilha fuq what’s app il-ħati ta’ fastidju sesswali u l-verżjoni tagħha b’email. Esebiet ir-rapport tal-pulizija u l-email li kienet bagħtitilha l-allegata vittma.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetur Kevin Pulis u Gabriel Micallef filwaqt li għall-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali qed jidhru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shawn Zammit. Il-kumpilazzjoni għandha tkompli fl-24 ta’ Jannar f’nofsinhar.