Il-Qorti tal-Appell irevokat sentenza fil-konfront ta’ kaċċatur wara li kien ġie kkundannat biex iħallas multa ta’ €1,500 mil-Qorti tal-Maġistrat li kienet sabitu ħati li fil-21 ta’ Settembru tal-2020 għall-habta tat-6:10pm waqt li kien qiegħed
fl-inħawi ta’ Birżebbuġia waqt staġun magħluq għall-kaċċa ta’ l-għasafar min fuq l-art ikkaċċja jew ipprova jikkaċċja xi għasfur jew ġarr munizzjoni jew arma tan-nar.
L-Imħallef Consueli Scerri Herrera li kienet qed tagħti sentenza fil-konfront ta’ Jesmond Saliba, qalet fis-sentenza tagħha li fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija hi tinsab diżappuntata ferm u tixtieq tenfasizza l-kritika tagħha dwar il-fatt illi xhieda mportanti ma jiġux imressqa sabiex jixhdu quddiem l-Ewwel Qorti, bhal per eżempju il-voluntiera tal-CABS -f’dan il-każ Chris Cachia Zammit.
Barra minn hekk, minkejja l-fatt li kemm fl-NPS report u kemm fl-affidavits tal-Pulizja hemm li Saliba iffirma dikjarazzjoni tar-rifjut għall-parir legali, din ma ġietx ipprezentata! “Huwa minnu li dawn huma proceduri sommarji, madanakollu l-Pulizija għandhom ikunu preparati u mhux iserrħu principarjament fuq ir-rapporti kompliati mill-CABS.
Il-Qorti qalet li tixtieq tfakkar illi l-Prosekuzzjoni trid iġġib il-quddiem l-aħjar prova u Saliba m’hu obbligat iressaq l-ebda prova minn naħa tiegħu. L-Imħallef qalet li l-Qorti kull m’għandha f’idha huma affidavits tal-Pulizija li għalkemm marru fuq il-post tal-allegat inċident ma rawx lill-akkużat.
“B’kull dovut rispett, b’dawn il-provi fjakki din il-Qorti żgur ma tistax tkun konvinta li l-kaċċatur huwa ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u dan mingħajr l-ebda dubbju dettat mir-raġuni. “Għal dawn il-motivi u in vista tan-nuqqasijiet kollha msemmija, din il-Qorti ma għandiex triq oħra għajr li tillibera lil Jesmond Saliba minn kull ħtija u
piena.
Il-Qorti ordnat komunika ta’ din is-sentenza lid-Direttur tal-Qorti Kriminali sabiex tagħmel żgur illi x-xhieda prodotti quddiem l-Ewwel Qorti għandhom dejjem jiġu nseriti quddiem din il-Qorti. Ordnat ukoll komunika wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex tali proċeduri isiru b’aktar attenzjoni w jiġu wkoll mressqa l-provi kollha skond il-liġi.
Huwa għaldaqstant ma nstabx ħati wkoll li kiser xi restrizzjoni, projbizzjoni jew ħtieġa mposta minn jew taħt dawn ir-regolamenti u dan bi ksur ta’ Reg. 27(1) (b) ta’ l-A.L. 79 ta’ l-2006 hekk kif emendat L.S. 549.42 tal-Ligijiet ta’ Malta. Kien diskuss ukoll il-fatt li l-Ewwel Qorti ma ħaditx in konsiderazzjoni l-fatt illi n-nuqqas ta’ prova bejn l-arma u l-individwu ma setgħu qatt iwasslu għal grad ta’ ħtija – għax kif jista’ qatt persuna tinstab li kienet qegħda għall-kaċċa b’ arma ndikata meta din l-arma ma tappartjenix lilu izda lill- terza persuna?
Dan in-nuqqas, speċjalment meta l-aħjar prova kienet dik tal-appellant fejn hu biss ikkonferma n-numri tal-liċenzji tiegħu, punt importantissu li żgur li kellu jiġi meqjus u jwassal għall-kunflitt ta’ provi. Għalkemm huwa minnu, u dan a skorta ta’ gurisprudenza, illi mhux kull kunflitt ta’ prova jwassal neċċessarjament għall-liberatorja, f’ dan il-każ partikolari il-provi la kienu ‘safe’ u lanqas kienu ‘satisfactory’, anzi ċertament perikoluż illi l-Ewwel Qorti straħet biss fuq ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni (li l-ebda minnhom ma għarfu lil Saliba fl-awla) jew pruvat li l-arma ndikata hija proprjetà jew fil-pussess tiegħu, u skartat kompletament il-provi li ressaq l-akkużat.
//= $special ?>