Mara ta’ 46 sena residenti il-Gżira ngħatat sentenza ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin wara li ammettiet li serqet ċrieket tad-deheb b’valur ta’ ftit aktar minn elf ewro. Hija ammettiet li wettqet is-serqa fl-20 ta’ Diċembru minn Gioielleria Zampa fil-Belt Valletta, li jinsab fi Triq Santa Lucia.
Daniela Ahtiswh, li hija Maltija ammettiet li żammet għandha affarijiet misruqa u li hi riċediva, li kisret diversi kundizzjonijiet mill-Qorti u li d-deheb huwa stmat li jiswa €1,180. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qieset l-ammissjoni tal-mara, li awtomatikament instabet ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, ikkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-mara, n-natura tar-reati, il-kondotta kkulurita tagħha kif ukoll l-isforzi li għamlet biex tqum fuq saqajha. Qieset ukoll li Daniela Ahtiswh tbati minn kundizzjoni psikoloġika li potenzjalment timpediha milli tifhem b’mod sħiħ il-konsegwenzi ta’ għemilha.
Il-Qorti qalet li hija disposta li tagħti l-aħħar ċans lill-ħatja biex tindirizza l-iżbalji tagħha u terġa’ taqbad it-triq it-tajba biex tibda kapitlu ġdid li jżommha ’l bogħod mill-għatba tal-ħabs. Għaldaqstant, il-Qorti poġġietha taħt ordni ta’ probation u ordnatilha wkoll tħallas €1,180 biex tikkumpensa għas-serq taċ-ċrieket.
Ġiet ordnata biex ma tersaqx lejn il-ħwienet u stabbilimenti li jbigħu ġojjellerija għajr biex tagħmel il-ħlas dovut. Il-Qorti ordnat ukoll biex kopja ta’ din is-sentenza u l-ordni ta’ Probation għandhom jintbagħatu lid-Direttur tal-Probation u Parole skond il-liġi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef.
//= $special ?>