Kollox qed jindika li l-każ tat-traġedja li seħħet f’Kordin ix-xahar li għadda se jieħu fit-tul. Tant li sa issa kuntrarju għal dak li kien seħħ fil-każ ta’ Miriam Pace għadu ma tressaq ħadd il-Qorti.
Fil-każ tal-Ħamrun, il-Pulizija kienet mal-ewwel żammet lill-kuntrattur, il-bennejja u l-periti involuti. Dan meta l-inkjesta kienet għadha fil-bidu tagħha.
B’kuntrast, fil-każ ta’ Kordin illi fih miet iz-zaghzugh ta’ 20 sena Jean Paul Sofia kien hemm biss skiet assolut mill-awtoritajiet.
Anzi, il-ġurnal Times of Malta qed jirrapporta illi l-investigazzjonijiet jafu jdumu mhux ħażin għaliex l-esperti għadhom qed jiġbru l-evidenza.
Qraba taz-zaghzugh fl-ahhar jiem spjegaw kif il-familja tagħna tinsab mkissra wara dak li seħħ, u għad hemm ħafna domandi mhux imwieġba.
Isabelle Bonnici, omm Jean Paul, saħqet li ma jistax ikun li binha tilef ħajtu għalxejn. U insistiet li se tkun qed tagħmel minn kollox sabiex issir ġustizzja.
Iz-ziju taz-zaghzugh minn naha tieghu staqsa min kien il-project Manager tal-binja li krollat f’Kordin? Min kienu l-bennejja? Min huwa responsabbli? U liema familja jmissha tieħu d-daqqa?
Jean Paul Sofia kien instab bla ħajja 15-il siegħa wara li l-binja ġġarfet ftit tal-minuti wara li ż-żagħżugħ daħal fiha waqt li kien intbgħat fuq xogħol fil-post minkejja li huwa ma kienx jaħdem fil-kostruzzjoni, iżda bħala technician tal-air conditioners.
Il-PN ukoll innota b’dispjacir kif il-familja tħalliet fl-għama u l-industrija tħalliet għaddejja daqslikieku dan kien xi każ iżolat u qisu m’hawnx siti b’riskji simili.
Il-Partit Nazzjonalista tenna l-ħtieġa li minflok jaħli l-ħin il-Gvern għandu janalizza bis-serjetà r-rapport varji u l-inkjesti li saru u li għadhom qed isiru kull darba li jseħħ inċident ta’ dan it-tip.