Futbol Sport

Il-leaders Ħamrun Spartans kontra ċ-champions Hibernians fl-ewwel programm ta’ logħob tal-2023

(Ritratt: Joseph Galea)

Ħamrun Spartans vs Hibernians | Il-Ħadd, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Fl-ewwel programm ta’ logħob tas-sena l-ġdida, bla dubju jispikka l-konfront bejn il-leaders Ħamrun Spartans u ċ-champions renjanti Hibernians. Fl-ewwel round l-Ispartans iddominaw għal kollox f’rebħa ta’ 4-1 fuq il-Pawlisti u għalhekk it-tim immexxi minn Andrea Pisanu se jkun qed ifittex tpatija f’din il-partita. Ħamrun spiċċaw l-2022 b’rebħa diffiċli kontra Marsaxlokk li waslet b’gowl fil-ħin miżjud ta’ Matthew Guillaumier. Huma jinsabu disa’ punti vantaġġ fuq Gżira United u għaxra fuq l-istess Hibernians, u rebħa f’din il-logħba tqarribhom aktar lejn id-disa’ kampjonat fl-istorja. Minn naħa l-oħra Hibernians spiċċaw is-sena fuq nota negattiva b’telfa ta’ 4-0 u prestazzjoni fqira għal kollox kontra Valletta. Bir-rebħ tat-titlu jidher xi ftit diffiċli għal Tal-Pagun, issa l-mira għandha tkun post fl-Ewropa u għalhekk issa għandhom iħarsu biss ‘il quddiem biex jilħqu dan it-tragward.

Floriana vs Sirens | Is-Sibt, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

B’erba’ punti biss jifirduhom fil-klassifika, Floriana u Sirens jilagħbu kontra xulxin fl-ewwel partita tas-Sibt fit-Tony Bezzina Stadium. Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 2-2, bil-Furjaniżi jirnexxielhom iġibu d-draw fit-tieni taqsima wara li kienu 2-0 minn taħt. Il-Greens jinsabu biss tliet punti ‘l bogħod mit-tim tar-raba’ post Birkirkara li jilagħbu kontrihom ħmistax oħra hekk kif il-ġimgħa d-dieħla tirritorna l-FA Trophy. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Floriana għelbu lil Pietà 3-1. Sirens, li ukoll ġejjin minn rebħa kontra Birkirkara, jinsabu fl-għaxar post bi 18-il punt u jekk jirnexxielhom jaħsdu lill-avversarji jkomplu jitbegħedu miż-żona l-ħamra filwaqt li javviċinaw aktar lejn nofs il-klassifika.

Gżira United vs Gudja United | Is-Sibt, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali

Konfront ieħor fil-ġlieda għal post mal-ewwel erba’ huwa dak bejn Gżira United u Gudja United bil-Maroons li jinsabu fit-tieni post bi 28 punt, ħamsa fuq l-avversarji Gudja. Fl-ewwel round din il-logħba offriet sitt gowls fejn spiċċat fi draw ta’ 3-3. Gżira se jkunu ġejjin minn żewġ rebħiet kontra Żebbuġ u Santa Lucia rispettivament filwaqt li Gudja tilfu kontra Ħamrun u rebħu l-aħħar konfront kontra Mosta. Bla dubju li rebħa għat-tim ta’ Agostinelli tkompli tagħmel l-affarijiet fl-ewwel postijiet tal-klassifika aktar interessanti filwaqt li Gżira se jkunu qed jittamaw li jekk jirbħu, Hibernians jisirqu xi punti lill-leaders Ħamrun sabiex jitnaqqas id-distakk f’ras il-klassifika.

(Ritratt: Joseph Galea)

Birkirkara vs Żebbuġ Rangers | Is-Sibt, fl-16:15 fit-Tony Bezzina

Fit-tieni partita tas-Sibt fit-Tony Bezzina Stadium, Birkirkara se jkunu qed jipprovaw jinsew kif spiċċaw is-sena, b’telfa kontra Sirens u jibdew is-sena l-ġdida bi tliet punti kontra avversarji li ġejjin minn tliet telfiet infila u li qed jiġġieldu ma’ Santa Lucia u Pietà biex iżommu posthom fl-għola diviżjoni. L-Istripes għandhom bżonn rebħa akkost ta’ kollox, konxji li ż-żewġ timijiet ta’ fuqhom Hibernians u Gżira għandhom konfronti diffiċli kontra Ħamrun u Gudja rispettivament. Tliet punti jistgħu jfissru li Birkirkara jerġgħu jitilgħu fit-tielet post tal-klassifika jekk ir-riżultati fil-partiti l-oħra jiffavorixxuhom. Gudja jridu joqgħodu attenti aktar minħabba l-fatt li bejnhom u t-tim fl-għaxar post Balzan hemm biss tliet punti u telfa tista tniżżilhom aktar l-isfel fil-klassifika. Birkirkara rebħu l-konfront bejn it-tnejn 2-1 f’Awwissu li għadda.

Balzan vs Santa Lucia | Is-Sibt, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali

Ftit għandha tkun problema għal Balzan fl-ewwel logħba tas-sena għalihom kontra Santa Lucia, li tilfu ħames partiti konsekuttivi u jidher li bil-mod ‘il mod qed jikkonfermaw irwieħhom fiċ-Challenge League. Fl-ewwel round kienu Balzan li ħarġu rebbieħa 2-0 u tliet punti jistgħu jkunu importanti hekk kif bħalma diġa’ għedna, id-distakk sal-ħames post huwa biss dak ta’ tliet punti. Oliver Spiteri tilef lil wieħed mill-aħjar elementi li kellhom Balzan, Uros Ljubomirac iżda ffirma plejer ġdid ukoll mis-Serbja Nikola Zerjal. Minn naħa l-oħra jidher li Santa Lucia, apparti l-qagħda li jinsabu fiha, se jkunu qed jitilfu lil wieħed mill-aħjar elementi tagħhom, l-attakkant Meghon Valpoort, li jidher li se jkun qed jibdel il-klabb f’dan is-suq ta’ trasferimenti.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Mosta vs Marsaxlokk | Il-Ħadd, fil-11:30 fis-Centenary Stadium

Mosta, bħal Gudja qedin f’salib it-toroq jekk jagħmluhiex ma’ ta fuq jew jekk jinżlux fit-tieni nofs tal-klassifika hekk kif bħalhom għandhom 23 punt, żewġ punti ‘l bogħod mill-ewwel erba’ u tlieta mit-tim tad-disa’ post. Konfront diffiċli kontra Marsaxlokk, li għalkemm ma’ kienux konsistenti, fil-ġurnata jistgħu joħolqu problemi serji lill-avversarji. Fl-aħħar partita tagħhom fis-sena 2022, Mosta sfaw megħluba minn Gudja wara tliet rebħiet konsekuttivi u għalhekk se jkunu qed ifittxu li jerġgħu jaqbdu r-ritmu ta’ rebħ. Marsaxlokk ta’ Pablo Doffo tilfu l-aħħar żewġ konfronti tagħhom kontra Valletta u Ħamrun rispettivament biex issa ilhom 6 logħbiet bla ma’ jirbħu fejn fi tlieta minnhom kisbu punt. Fl-ewwel konfront ta’ bejniethom dan l-istaġun kienu Mosta li ħarġu rebbieħa faċilment bl-iskor ta’ 4-1.

Valletta vs Pietà Hotspurs | Il-Ħadd, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium

B’ħames rebħiet u telfa mill-aħħar sitt ħarġiet, Valletta m’għandomx isibu xkiel biex jiksbu tliet punti kontra Pietà, għalkemm forsi mhux bl-istess skor tal-ewwel round meta dakinhar kienu umiljawhom meta rebħulhom 6-0. It-tim immexxi minn Thane Micallef spiċċa s-sena bi kbir meta b’wirja mill-aqwa għeleb liċ-champions Hibernians 4-0. Valletta rrilaxxaw żewġ plejers mill-attakk, lil Flavio Cheveresan u lil Oke Akpoveta u ffirmaw attakkant Brażiljan ta’ 29 sena, Milton Suares Rodrigues li riċentament kien plejer ta’ Panachiaki fil-Greċja. Minn naħa l-oħra wieħed irid jara x’irtokki se jkunu qed jagħmlu l-Hotspurs biex forsi jeqilbu l-paġna u jibdew jiksbu xi ftit riżultati bit-tama li jkunu huma li jilagħbu l-play off mat-tim li jiġi t-tielet fiċ-Challenge League hekk kif salvazzjoni awtomatika tidher xi ftit impossibli meta wieħed iqies li hemm distakk ta’ għaxar punti bejnhom u bejn Marsaxlokk, li jinsabu fil-11-il post.

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)