Lokali

Il-lukanda Qawra Palace tagħmel rinovazzjoni t’€40 miljun

Il-lukanda Qawra Palace, bdiet tilqa’ l-ewwel mistednin tagħha f’Marzu tal-1985, u issa se terġa’ tiftaħ fil-15 ta’ April, 2023 wara li għaddiet mill-ewwel rinovazzjoni komprensiva tagħha. Wara investiment ta’ €40 miljun, din il-faċilità l-ġdida se terġa’ tistabbilixxi r-reputazzjoni tagħha bħala waħda mill-lukandi lokali ewlenin għas-snin li ġejjin.

Edward Vella, direttur maniġerjali tal-lukanda Qawra Palace, jiddeskrivi kif missieru kien xtara l-propjetà flimkien ma ħuħ fl-1978, meta Ta’ Fra Ben kien it-tarf ta’ Triq il-Kosta tal-Qawra u ħafna miż-żona kienet għadha art agrikola, ħlief għal xi tibdil f’soft furnishings. Il-lukanda baqgħet  kważi l-istess għal dawn l-aħħar 37 sena.

Qabel il-pandemija tal-COVID-19, pjanijiet għal rinnovazzjoni kienu diġà għaddejjin, iżda dawn inizjalment, kienu maħsuba biex jitqassmu f’fażijiet fuq numru ta’ snin, skont Vella. “Meta l-operazzjonijiet waqfu waqt il-lockdown, kellna ċ-ċans li naċċelleraw il-proċedura kollha.” Tenna Edward Vella.  Għalhekk, sabiex din ir-reviżjoni kbira tal-proprjetà kollha tkun aċċelerata, ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu mgħollija l-ishma u jmorru għall-finanzjarjament.

Il-Qawra Palace Hotel se toffri lill-viżitaturi esperjenza li tinkludi kollox meta terġa’ tiftaħ bħala resort, filwaqt li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet kollha tal-klijenti sal-punt fejn viżitatur jista’ b’mod konvenjenti jibqa’ biss fil-lukanda għall-perjodu kollu tal-akkomodazzjoni. Il-klijenti se jgawdu minn kumditajiet lussużi ta’ spa, li jinkludu wkoll indoor pool, jacuzzi, sauna, u salon tas-sbuħija.

Għall-viżitaturi li jħobbu l-ispettakli, il-lukanda se tikkuntratta entitajiet barranin li se jkunu qed joperaw fil-post, f’awditorju maħluq apposta u  mgħammar b’teknoloġija diġitali avvanzata u bl-aħħar effetti ta’ sawnd u dawl.

Edward Vella temm jgħid li l-lukanda dejjem kienet favorita mas-suq Ingliż, iżda issa hija lesta li tiddiversifika l-prospetti tagħha b’antiċipazzjoni għaż-żieda fl-interess f’Malta fl-2023, kif imbassar minn operaturi turistiċi barranin.