Internazzjonali

Il-Messiku: Arrest li wassal għall-irvellijiet vjolenti fost il-qtil tal-membri tas-sigurtà

Talanqas ħames membri tal-qawwiet tas-sigurtà Messikani tilfu ħajjithom waqt sensiela ta’ irvellijiet vjolenti u ġlied qalil fl-Istat ta’ Sinaloa. L-inkwiet kien dovut għall-arrest ta’ wieħed minn ulied it-traffikant tad-droga infami ‘El Chapo’, biz-zoni partikulari ta’ Sinaloa jibqgħu maħkumin bit-tensjoni.

Il-vjolenza splodiet wara li Ovidio Guzmán-López – l-allegat kap tal-grupp tat-traffikanti li kien imexxi missieru – inqabad f’ Culiacán u minfejn spiċċa trasferit lejn il-Belt tal-Messiku.

F’dan il-perjodu, il-membri tal-entità kriminali waqqfu diversi roadblocks waqt li taw in-nar lil numru ta’ vetturi minbarra li attakkaw il-kumpless ta’ ajruport lokali. Fl-attakk furjuż, żewġ ajruplani ntlaqtu mill-isparar u meta wieħed minnhom kien qed iħejji biex jitlaq mill-mitjar.

Il-vjolenza, fil-fatt, wasslet għall-posponiment ta’ ‘il fuq minn 100 titjira fi tliet ajruporti ta’ Sinaloa.

Dan fost rapporti li talanqas 20 ruħ kellhom jittieħdu l-isptar b’urġenza wara li nqabdu fl-eqqel tal-isparar.

Guzmán-López – imlaqqam ‘il-Ġurdien’ – hu akkużat b’li mexxa fergħa tas-Sinaloa li darba kienet tieħu d-direttivi mingħand missieru. Il-grupp hu anki responsabbli għal numru kbir ta’ omiċidji fil-Messiku u meta meqjus ukoll fost l-akbar organizzazzjonijiet għat-traffikar tad-droga fid-dinja.

Missieru, Joaquín “El Chapo” Guzmán, qed iservi sentenza ta’ ħabs għal għomru fl-Istati Uniti wara li, fl-2019, instab ħati dwar traffikar tad-droga u ħasil tal-flus. Intant, il-proċess tal-qorti li għadda minnu, fost oġrajn, żvela ħafna mill-aspetti xokkanti tal-aġir brutali tal-gruppi tad-droga li qegħdin jitterrorizzaw lill-Messiku.