Luttu ieħor għall-futbol mondjali partikolarment dak Taljan hekk kif ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tal-eks plejer ta’ Juventus u Sampdoria fost oħrajn Gianluca Vialli. Huwa kellu 58 sena. Fl-2018 Vialli kien żvela li kien ilu sena jieħu l-kura minn kanċer fil-frixa u fl-2020 kien irraportat li kien fieq, iżda f’Diċembru tal-2021 l-eks internazzjonali Taljan ħabbar li reġa’ kien qed jiġġieled l-istess kanċer għat-tieni darba. Huwa miet fi klinika f’Londra, fejn kien baqa’ jgħix wara l-karriera tiegħu fl-Ingilterra.
Bħala plejer Gianluca Vialli beda l-karriera tiegħu ma’ Cremonese fejn lagħab bejn l-1980 u l-1984 biex mbagħad ingħaqad ma’ Sampdoria fejn hemm lagħab sal-istaġun 1992/93. Ma’ Samp rebaħ il-Kampjonat tas-Serie A, tliet darbiet il-Coppa Italia, Super Cup u darbtejn finalist fit-Tazza tat-Tazzi u tal-UEFA Champions League. Huwa skorja total ta’ 85 gowl f’223 partita f’dan il-perjodu. Fl-istaġun 1992/93 huwa ngħaqad ma’ Juventus, fejn fl-ewwel staġun, taħt il-gwida tal-kowċ Giovanni Trapattoni rebaħ it-Tazza UEFA. Ma’ Juventus Vialli fost oħrajn rebaħ ukoll il-Kampjonat fl-istaġun 1994/95 u l-UEFA Champions League fl-istaġun 1995/96 kontra Ajax bl-għoti tal-penalties.
Wara ħames staġuni mal-Bianconeri, fejn matulhom skorja 38 gowl minn 102 partiti, Vialli beda esperjenza ġdida, l-ewwel waħda barra mill-Italja ma’ Chelsea, dak iż-żmien immexxija mill-eks plejer ta’ Milan Ruud Gullit. F’żewġ staġuni rebaħ l-FA Cup, League Cup, UEFA Cup Winners Cup u l-UEFA Super Cup. Huwa kellu esperjenzi wkoll bħala kowċ mal-istess Chelsea bejn l-1998 u l-2000 kif ukoll ma’ Watford fl-2001-2002.
Mat-tim Nazzjonali Taljan wara li lagħab għoxrin darba mat-tim ta’ taħt 21 sena, bejn l-1985 u l-1992, lagħab 59 darba fejn skorja 16-il gowl f’liema perijodu fit-Tazza tad-Dinja tal-1990 kiseb midalja tat-tielet post. Wara li fl-aħħar snin kien fit-tim tekniku ta’ Roberto Mancini fejn kien parti wkoll mir-rebħ tal-EURO 2020, fl-14 ta’ Dicembru li għadda ħabbar li waqaf mill-kariga minħabba saħħtu fejn mar Londra għal kura u sfortunatament miet il-Ġimgħa filgħodu.
