Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Kritika għal Harry talli żvela dwar il-qtil tat-Talibani fil-ktieb kontroversjali ‘Spare’

Ħafna membri tas-servizzi militari Britanniċi huma urtati għall-Prinċep Harry wara li hu żvela pubblikament li kien qatel numru ta’ militanti Talibani fl-Afganistan.

Il-Prinċep, jew aħjar id-Duka ta’ Sussex, qed ikompli jrewwaħ il-kontroversja permezz tal-ktieb ġdid tiegħu bit-titlu ‘Spare’ u fejn f’silta partikulari jgħid li hu kien qatel 25 ġellied Talibani waqt azzjonijiet militari…Hu fisser l-aġir bħala ‘xi ħaġa li ma tagħmlux kburi għalkemm lanqas ma jħoss xi sens ta’ mistħija għal dak li kellu jseħħ’.

Intant, l-eks Kurunell tal-Armata, Richard Kemp, qal lill-BBC li r-rimarki ta’ Harry ma kenux ikkunsidrati waqt li uffiċjali oħra tal-Armata qalu li ‘l-ebda suldat denju tal-isem ma jiżvela pubblikament id-dettalji partikulari u personali assoċjati mal-gwerra.’

Hemm anki l-inkwiet li r-rimarki pubblikati tad-Duka jistgħu jaffettwaw ħażin lis-sigurtà ta’ madwaru minbarra li jwassal biex xi ħadd jipprova jpattihielu.

Il-Prinċep Harry serva bħala pilota ta’ ħelikopter fl-Afganistan u hemm diversi ritratti tiegħu waqt iz-zmien tas-servizz, inkluż wieħed li jurih bil-qiegħda wara machine-gun tal-ogħla kalibru.L-istatistika dwar il-25 Talibani maqtula hija possibbli wara li Harry kien għamel żewġ ‘tours of duty’ fir-reġjun ta’ Helmand (fl-Afganistan).

Il-Prinċep kiteb li ‘waqt l-eqqel tal-battalja hu ma ħasibx li kien qed jelimina lin-nies bħalu’, waqt li rrefera għat-Talibani bħala ‘biċċiet taċ-ċess…simboli tal-ħażen li kellhom ikunu eliminati biex ma jkunux ta’ periklu għan-nies li kienu qed jiġġieldu għal kawża tajba’.

Qabel serva bħala pilota, Harry kien għamel żmien bħala kontrollur tal-ajru mal-militar Britanniku fl-Afganistan. L-Istati Uniti u l-alleati tan-NATO kienu invadew lill-Afganistan f’Ottubru tal-2001 biex ikeċċu lit-Taliban mill-poter wara li l-militanti Iżlamiċi taw refuġju lit-terrorista Osama bin Laden u membri oħra tal-grupp al-Qaeda li ġimgħat qabel kien wettaq l-attakki terroristiċi storiċi fi New York u Washington.