Għar-raba’ jum konsekuttiv, il-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-Istati Uniti qed jippruvaw jeleġġu Speaker bil-għan li jintemm l-istaġnar politiku li qed iżomm lura l-funzjoni tal-Kamra.
Dan meta l-favorit għall-kariga, Kevin McCarthy tal-Partit Repubblikan, s’issa, falla milli jaċċerta mill-218-il vot meħtieġa biex jokkupa l-kariga ta’ Speaker. Is-sitwazzjoni nbidlet fi proċess maratona peress li hemm il-membri Repubblikani fil-Kamra li ma jridux jivvutawlu.
Fil-fatt, mill-bidu tal-ġimgħa ‘il hawn, ittieħdu 11-il vot fil-Kamra mingħajr l-ebda riżultat fiss, bil-paraliżi fil-Gvern qed titqies bħala storika peress li l-aħħar darba li eżistiet sitwazzjoni bħal din kienet waqt l-era ta’ qabel il-Gwerra Ċivili tal-1861-65 fl-Istati Uniti.
Intant, McCarthy x’ aktarx li jrid iwiegħed numru ta’ konċessjonijiet lir-‘ribelli’ Repubblikani fil-Kamra biex jingħata l-konferma ta’ Speaker wara dawn il-jiem kollha ta’ qtigħ il-qalb.
//= $special ?>