Lokali

L-istudenti joħorġu kontra l-mossa ta’ Robert Abela

Mossa tal-Gvern ta’ Robert Abela li ma ntlaqghet tajjeb xejn mill-istudenti tal-ligi….u li se tkun qed tikkontrolla, bla ebda diskussjoni. U b’hekk tagħti daqqa lid-demokrazija f’pajjiżna.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern ippubblika l-abbozz ta’ liġi li jippermettilu li jaħtar Kummissarju tal-Istandards mingħajr il-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Jekk dan l-abbozz jidħol fis-seħħ, il-Gvern ikun jista’ jaħtar lil min irid hu f’din il-kariga b’maġġoranza sempliċi, wara tliet voti.

Fost dawk li ħarġu kontra din il-mossa kien hemm l-Għaqda Studenti tal-Liġi illi fi stqarrija qalet li mhux ġust li jekk fit-tieni vot fil-Parlament ma jkunx hemm qbil mill-maġġoranza, ikun il-partit fil-Gvern li jieħu din id-deċiżjoni… kif qed jipproponi l-Gvern Laburista.

L-Għaqda qed tisħaq li jekk din l-emenda tidħol fis-seħħ, dan se jwassal biex tonqos l-integrità, it-trasparenza u l-Indipendenza fi ħdan l-Uffiċju tal-Kummissarju għall-Istandards.

Rapport tal-OECD kien faħħar il-fatt li żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati jridu jaqblu biex jinħatar Kummissarju għall-Istandards, filwaqt li ħeġġeġ li għandu jkun il-President ta’ Malta li jipproponi persuna biex tiġi appuntata.

L-Għaqda tal-istudenti tal-Liġi fakkret li l-Kummissarju tal-Istandards għandu jkun hemm biex jassigura governanza tajba u mhux persuna li tintuża’ bħala ballun politiku. B’diversi kritiċi qed jgħidu li dan kollu jaf ikun perikoluż minħabba li l-persuna maħtura se tkun qed tinvestiga l-Membri Parlamentari tal-Gvern stess.

Robert Abela qed jinsisti fuq isem wieħed biss biex jiehu post l-eks Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler. Iżda l-Partit Nazzjonalista għandu d-dubji tiegħu dwar l-effettività ta’ din il-persuna. B’Abela jidher li ma tax każ l-ismijiet li qed tipproponi l-Oppożizzjoni hekk kif qed jibqa’ jinsiti li l-isem tiegħu huwa l-aħjar għażla għal din il-kariga.