Tfajla ta’ 22 sena mill-Munxar ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammettiet li f’Diċembru li għadda waddbet ġebla lejn mistieden waqt festin tal-familja ġewwa Għawdex. Sharley Debono Bezzina wieġbet ħatha li fit-8 ta’ Diċembru li għadda ikkomeetiet ġrieħi gravi fuq raġel f’dar f’Kerċem.
Fil-Qorti ħareġ li waqt dan il-festin, it-tfajla sabet ma’ wiċċha raġel li fil-passat kellha xi argumenti miegħu u baqgħet tibża’ minnu. Dakinhar tal-inċident, inqala’ xi diżgwid, bit-tfajla twaddab ġebla li laqtitu f’wiċċu. Il-Maġistrat Leonard Caruana li kien qed jippresiedi fil-Qorti ta’ Għawdex innota li dan kien inċident ta’ darba bejnha u l-vittma, kienet il-qofol ta’ bosta ċirkostanzi partikolari li ilhom jikbru tul iż-żmien.
Dwar il-piena, qal li t-tfajla għandha kondotta nadifa u li għandha ċirkostanzi partikolari li jeħtieġu attenzjoni professjonali biex jingħelbu. Il-Qorti qalet li ma tqisx li piena ta’ ħabs effettiva hi ġusta, anzi qalet li din toħloq diffikultajiet fil-konfront tagħha.
Madankollu qalet il-Qorti, li bi ftit sforz, hija se tkun tista’ ttejjeb il-qagħda tagħha u tegħleb id-diffikultajiet temporanji li jista’ għandha. Kien għalhekk li waqt li sabha ħatja lliberaha bil-kundizzjoni. Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ trattament fil-konfront tagħha u ordnatilha biex ma tersaqx lejn il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.
//= $special ?>