Lokali

Ma jgħidx jekk is-suppost “bidliet” ġewx diskussi

Tkompli l-kontroversja dwar l-emenda tal-abort li jrid iressaq il-Gvern ta’ Robert Abela… hekk kif wara li numru ta’ għaqdiet u tobba ħarġu jikkundannaw il-kummenti li għadda l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, issa l-Ministri tal-Labour qed jaħarbu milli jwieġbu dwar it-tibdil fil-kliem ta’ din l-emenda.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fearne kien ħabbar li l-Gvern se jkun qed ibiddel il-kliem tal-emenda dwar l-introduzzjoni tal-abort. Dan sabiex, kif qal Fearne stess, jagħlaq ħalq dawk kollha li opponew biex din l-emenda tidħol fis-seħħ.

Bil-Fondazzjoni Life Network u l-għaqdiet Doctors for Life u I See Life jikkundannaw bi sħiħ dak li qal il-Ministru tas-Saħħa… ghaliex xorta ħalla lok għal numru ta’ interpretazzjonijiet hekk kif Fearne stqarr li bil-kliem ‘il-ġdid’ li se jintuża, jekk tarbija tista’ titwieled u tgħix ħajja b’mod indipendenti, dik it-trabija għandha tkun protetta u tingħata d-dritt li tgħix. Fi kliem semplici, jista’ jsir abort fuq trabi li mhux vijabbli – fejn ikollok tqala ta’ inqas minn 23 ġimgħa, kif kien il-każ ta’ Andrea Prudente.

Kien għalhekk li Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon jekk il-Grupp Parlamentari Laburista iltaqax sabiex jiddiskutu din l-emenda, b’Falzon jagħżel li ma jwieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu.

Wara li l-Gvern Laburista kien ilu xhur sħaħ jimbotta ‘l quddiem l-emenda tal-abort f’pajjiżna kif proposta mill-Prim Ministru Robert Abela – tant li d-deputati kollha tal-Labour ivvotaw favuriha… issa id-deputat Prim Ministru Chris Fearne ikkonferma li din l-emenda se tinbiddel… għalkemm ħadd ma jaf eżatt x’se jkun  it-tibdil li jrid il-Gvern. Bit-tobba u l-ghaqdiet jinsistu li sa issa – minn dak li nafu – xorta se tkun ligi li ddahhal l-abort f’pajjizna.