Lokali Qorti

Sentenza ta’ sitt snin ħabs għal waħda sospiża fuq droga għar-raġel li qed jgħid li huwa iben Tumas Fenech

Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqset sentenza ta’ sitt snin ħabs għal waħda sospiża fil-konfront ta’ Victor Buttigieg ta’ 48 sena minn Naxxar fuq traffikar ta’ droga eroina f’każ li jmur lura aktar minn 20 sena. Buttigieg huwa l-persuna li qed jgħid li huwa t-tifel tan-negozjant Tumas Fenech.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn Buttigieg li kellu l-vizzju tad-droga inbidel għall-aħjar u llum minbarra li qata’ dan il-vizzju għandu mpieg. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima naqset ukoll il-multa li kien ikkundannat iħallas mill-Qorti tal-Maġistrat minn €4,000 għal €600.

Il-Qorti tal-Appell ikkondiviet il-ħtija tal-Ewwel Qorti fejn kien instab ħati ta’’pussess ta’ 48.7 gramma droga eroina, f’ċirkostanzi li ma kinitx għax użu personali tiegħu. Minn eżami li sar fuq id-droga rriżulta li din kellha b’purità ta’ 30 fil-mija.

Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija kienet għamlet tfittxija fid-dar ta’ Buttigieg f’Lulju tal-2002 u sabet tmien pakketti tal-plastik mimlijin sustanza li rriżultat li kienet eroina. Huwa kien qal lill-Pulizija li kien xtara 52 gramma mingħand ċertu Mustafa li qal kien ġiegħlu jixtri l-ammont kollu minkejja li ma kellux bżonn daqshekk.

L-Ewwel Qorti iżda kienet qalet li huwa nkredibbli kif Buttigieg xtara l-eroina lesta maqsuma f’pakketti daqs li kieku lesta biex tinbiegħ. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet innotat ukoll li Buttigieg kien instab ħati fuq 15-il każ ieħor fosthom erbgħa fuq pussess ta’ droga eroina u kokaina u tlieta fuq traffikar. Każijiet oħra nkludew pussess ta’ armi u tlieta fuq theddid lill-pulizija.

L-Ewwel Qorti kienet ordnatlu jħallas ukoll €217 fi spejjeż tal-Qorti, liema ordni kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell. Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Grima qalet li mid-dokumenti ppreżenati mill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni kontra d-Droga tul il-perjodu ta’ rijabilitazzjoni, jirriżulta b’mod ċar li Buttigieg għandu storja twila ta’ abbuż mid-droga b’diversi kundanni jingħataw mill-Qrati Maltin minnu kommessi.

“Dan konsegwenza ta’ dan il-vizzju. Madankollu jidher li Buttigieg finalment għaraf il-bżonn li jegħleb il-vizzju mid-droga u kkopera bis-sħiħ fil-programm ta’ riabilitazzjoni. Hu kien dejjem konsistenti fl-għoti tal-kamjuni tal-urina li kien obbligat jipprovdi, fejn skont dak irrapurtat dawn kienu kollha fin-negattiv għal kull sustanza. Huwa segwa l-pjan ta’ kura mfassla għalih u integra ruħu fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol”, qalet l-Imħallef Grima.

Il-Qorti tal-Appell ordnat li tali droga tiġi distrrutta. L-Appell minn Buttigieg sar għax huwa emmen li mill-fatt li l-piena mogħtija lilu kienet waħda eċċessiva u billi f’dan il-każ saret talba minnu biex il-Qorti tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga u li kien għalhekk it-talba li għamel fl-Appell intlaqgħet, aktar u aktar wara l-każ tiegħu quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga ingħalaq b’suċċess. Għal Buttigieg deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.